KM Malta Airlines tħabbar prezzijiet speċjali u titjiriet addizzjonali għall-elezzjoni ġenerali

KM Malta Airlines tħabbar prezzijiet speċjali għall-elezzjoni u titjiriet addizzjonali għal votanti eliġibbli li jixtiequ jirritornaw lejn Malta biex jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li ġejja

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

KM Malta Airlines ħabbret prezzijiet speċjali għall-elezzjoni u titjiriet addizzjonali bħala parti mit-tħejjijiet għall-elezzjoni ġenerali li ġejja fit-30 ta' Mejju.

Dan jifforma parti minn sforz sabiex jiffaċilita l-ivvjaġġar għall-votanti eliġibbli li jixtiequ jirritornaw lejn Malta biex jivvutaw.

Dawk li isimhom jidher fuq ir-Reġistri Elettorali ppubblikati mill-Kummissjoni Elettorali huma eliġibbli għal dawn il-prezzijiet speċjali għall-elezzjoni, inklużi d-dipendenti diretti tagħhom.

Il-passiġġieri eliġibbli se jibbenefikaw minn prezz speċjali għall-elezzjoni ta' €90 bir-ritorn f'Economy Plus, li jinkludi bagalja żgħira, bagalja tal-kabina ta' 10kg, u bagalja rreġistrata ta' 20kg.

Trabi taħt l-età ta' sentejn jistgħu jivvjaġġaw bi ħlas ta' €9 sakemm ma jokkupawx siġġu.

Il-biljetti mhumiex rimborsabbli u l-ebda bidla fid-dati tal-ivvjaġġar ma tkun permessa, filwaqt li l-ivvjaġġar kollu jrid isir lejn u mill-istess belt.

L-ewwel titjira lejn Malta se tkun fl-20 ta' Mejju, bl-aħħar titjira lejn Malta fit-30 ta' Mejju.

Min-naħa l-oħra, l-ewwel titjira 'l barra minn Malta hija fit-23 ta' Mejju, filwaqt li l-aħħar titjira se tkun fit-3 ta' Ġunju.

Il-linja tal-ajru KM Malta ħabbret ukoll li se topera titjiriet żejda lejn Brussell u Londra Gatwick fid-dati li ġejjin:

• Il-Ħadd 31 ta' Mejju: Malta / Londra Gatwick / Malta (filgħaxija)

• It-Tnejn 1 ta' Ġunju: Malta / Londra Gatwick / Malta (filgħaxija)

• It-Tlieta 2 ta' Ġunju: Malta / Londra Gatwick / Malta (filgħaxija)

• It-Tnejn 1 ta' Ġunju: Malta / Brussell / Malta (filgħodu)

• It-Tlieta 2 ta' Ġunju: Malta / Brussell / Malta (filgħodu)

Il-bookings se jkunu miftuħa għall-bejgħ mill-4 ta' Mejju sat-30 ta' Mejju u r-riżervazzjonijiet jistgħu jsiru biss permezz tan-numru dedikat taċ-Ċentru tat-Telefonati tal-Elezzjoni Ġenerali tal-KM Malta Airlines +356 2141 8118, matul il-ħinijiet tat-8am sat-8pm mit-Tnejn sal-Ħadd.

Votanti eliġibbli li jikkwalifikaw għal dawn il-prezzijiet tal-biljett u li diġà għamlu prenotazzjoni alternattiva ma' KM Malta Airlines għal vjaġġar bejn l-20 ta' Mejju u t-3 ta' Ġunju jistgħu jitolbu jew rifużjoni sħiħa tal-biljett eżistenti tagħhom jew jibdlu l-biljetti tagħhom għal dati differenti tal-ivvjaġġar mingħajr ħlas iżda soġġetti għall-ħlas ta' kwalunkwe differenza fil-prezz tal-biljett.

More in Kronaka