Wara li l-ġimgħa l-oħra rrappurtajna li pilloli tal-abort tħallew f’katnazzi madwar Malta u Għawdex, din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-organizzaturi anonimament biex naċċessaw dawn il-locks. Din kienet it-tweġiba li rċevejna : “Sfortunatament, Mhux talli hekk, talli saħansitra tawna kuntatt ta’ organizzazzjonijiet oħra li jkunu jistaw jibgħatulna dawn il-pillolli fl-indirizz personali.
F’temp ta’ ġimgħa inizjattiva minn Women on Waves fetħet diskussjoni nazzjonali dwar il-liġi, is-saħħa u l-infurzar f’Malta, wara li l-għaqda qalet li poġġiet madwar 15-il safe b’pilloli tal-abort f’postijiet sigrieti madwar Malta u Għawdex.
Madankollu, dak li beda bħala attiviżmu qed jiġi interpretat ukoll bħala sfida diretta għal-liġi. Din il-gazzetta kienet minn tal-ewwel li tkellmet mal-Life Network Foundation, li sostniet li l-inizjattiva tista’ tikkostitwixxi ksur tal-liġi Maltija, partikolarment fejn tidħol l-importazzjoni u t-tqassim tal-pilloli tal-abort. F’kummenti mogħtija lil din il-gazzetta, l-għaqda qalet li għandha ssir investigazzjoni mill-awtoritajiet sabiex jiġi stabbilit jekk sarx reat.
F’dan il-kuntest, il-liġi Maltija tibqa’ ċara: taħt il-kodiċi kriminali ta’ Malta, l-abort huwa illegali fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, b’eċċezzjoni limitata introdotta fl-2023 meta l-ħajja tal-mara tkun f’riskju immedjat jew saħħitha tkun f’periklu serju li jista’ jwassal għall-mewt.
Il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista
Fost dan kollu, din il-gazzetta tkellmet mal-Partit Nazzjonalista, li kkonferma l-pożizzjoni tiegħu kontra l-abort u favur il-ħajja, filwaqt li kkundanna kull azzjoni illegali. Il-PN saħaq li ħadd mhu ’l fuq mil-liġi u li l-Gvern għandu jieħu passi kontra min jikser il-liġi. Madankollu, minkejja numru ta’ mistoqsijiet aktar speċifiċi li saru minn din il-gazzetta, xi punti baqgħu mingħajr tweġiba diretta, b’reazzjonijiet li kienu aktar ġenerali milli konkreti.
B’mod separat, tkellimna wkoll mal-ispokesperson tas-saħħa tal-PN, Stephen Spiteri, f’kummenti mogħtija lil din il-gazzetta, wissa dwar riskji mediċi li jistgħu jinqalgħu jekk dawn il-pilloli jintużaw barra sistema medika. Huwa semma kumplikazzjonijiet possibbli bħal fsada qawwija emorraġija u riskji oħra relatati mal-ormoni.
Fl-istess ħin huwa enfasizza li l-informazzjoni qatt mhi biżżejjed u hemm bżonn aktar edukazzjoni dwar is-saħħa sesswali minn età żgħira u hemm bżonn aktar appoġġ għan-nisa f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Huwa saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-edukazzjoni tibda minn età żgħira, partikolarment fl-iskejjel, fejn skontu hemm lok għal aktar investiment fl-għarfien dwar is-saħħa sesswali. Spjega li l-għan għandu jkun li jinħoloq aktar għarfien, mhux biss dwar l-abort, iżda dwar is-saħħa sesswali b’mod usa’, filwaqt li nnota li f’pajjiżna l-input f’dan il-qasam kien limitat. Żied jgħid li, minħabba li jeżistu opinjonijiet differenti – kemm favur kif ukoll kontra – huwa essenzjali li jkun hemm min iwassal messaġġ ċar u bbilanċjat, mingħajr ma tintgħażel biss l-informazzjoni li taqbel ma’ pożizzjoni partikolari, sabiex in-nies ikunu verament infurmati.
Il-pożizzjoni tal-Labour
Din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, li qal li s-suġġett għandu jiġi trattat b’maturità u mhux ibbażat fuq opinjonijiet personali. Huwa wissa kontra li kwistjoni sensittiva tinbidel f’“ballun politiku” jew tintuża biex jiġu ġġudikati n-nisa, u saħaq li, kif tenna l-Prim Ministru, il-Gvern ma jemminx li n-nisa għandhom jintbagħtu l-ħabs għax iwettqu abort.
Madankollu, minkejja tentattivi minn din il-gazzetta biex tikseb ċarezza dwar jekk dan il-każ hux qed jiġi trattat bħala att ta’ protesta jew bħala azzjoni li potenzjalment tikser il-liġijiet eżistenti, din il-mistoqsija baqgħet mingħajr tweġiba.
Mistoqsijiet intbagħtu wkoll lill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma waslet l-ebda risposta, u dan iħalli mistoqsijiet importanti dwar kif l-awtoritajiet qed jinterpretaw u beħsiebhom jittrattaw din l-inizjattiva.