ARA|Pjan għal ferrovija li tgħaqqad diversi lokalitajiet fi żmien 15-il sena
Proposta għal linja ta’ ferrovija ta’ 24 kilometru li tgħaqqad il-Belt, l-ajruport, Ħal Qormi, Mater Dei u San Pawl il-Baħar tifforma parti minn pjan nazzjonali usa’ biex jinbidel it-trasport f’Malta fil-15-il sena li ġejjin
Sistema ta’ linja ta' ferrovija li tgħaqqad il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar, Mater Dei, Ħal Qormi u l-ajruport mistennija tkun operattiva fi żmien 15-il sena, skont pjan nazzjonali ġdid għat-trasport imħabbar il-Ħamis.
Ir-rotta, magħrufa bħala l-“La Valette Line”, se tkun twila madwar 24 kilometru u tinkludi taħlita ta’ binarji taħt l-art, fuq livell tat-triq u elevati. L-istazzjonijiet se jkunu marbuta ma’ hubs tal-karozzi tal-linja u faċilitajiet park and ride, biex jippermettu lill-passiġġieri jaqilbu faċilment bejn mezzi differenti ta’ trasport.
Dan il-proġett jifforma parti minn viżjoni usa’ msejħa “Malta in Motion”, li għandha l-għan li tagħmel il-vjaġġi ta’ kuljum aktar faċli u toffri aktar għażliet ta’ mobilità. Il-pjan jinkludi wkoll titjib fin-netwerk tal-karozzi tal-linja u tal-laneċ, strateġija għall-parkeġġ, kif ukoll aktar rotot għall-mixi u ċ-ċikliżmu.
Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett qal li s-sistema tar-rapid transit hija biss waħda minn sitt komponenti li flimkien għandhom jibdlu l-mod kif in-nies jiċċaqilqu fil-pajjiż.
L-ewwel fażi tal-linja, li se tgħaqqad il-Belt mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, mistennija titlesta fi żmien bejn tliet u erba’ snin minn meta jibdew ix-xogħlijiet, li huma ppjanati li jibdew fi żmien ħames snin. Intant, se jibdew testijiet ġeotekniċi fil-Furjana mill-4 ta’ Mejju biex jiġi analizzat il-blat taħt l-art, filwaqt li testijiet simili jsiru f’Ħal Qormi fil-ġimgħat ta’ wara.
Il-proġett kollu huwa stmat li jiswa madwar €2.8 biljun, li minnhom €1.8 biljun huma spejjeż ta’ kostruzzjoni. Skont l-istimi, il-passiġġieri ma jkollhomx jistennew aktar minn 10 minuti għal servizz.
L-iżvilupp dettaljat tar-rotta u tad-disinn tal-istazzjonijiet se jieħu madwar sentejn, segwit minn proċess ta’ ppjanar ta’ tliet snin u l-proċeduri tal-akkwist. Wara l-ewwel fażi, il-bqija tal-linja li tgħaqqad Ħal Qormi, l-isptar u l-università tat-Tal-Qroqq, kif ukoll San Pawl il-Baħar, mistennija titlesta f’ħames snin oħra.
Esperti mill-kumpanija internazzjonali ARUP, li ġew ikkummissjonati minn Transport Malta, sostnew li minkejja l-introduzzjoni tal-ferrovija, in-netwerk tal-karozzi tal-linja se jibqa’ l-pedament ewlieni tat-trasport pubbliku.
Il-pjan jinkludi wkoll l-iżvilupp ta’ aktar faċilitajiet park and ride qrib l-istazzjonijiet u interchanges biex jiffaċilitaw il-moviment bejn mezzi differenti ta’ trasport.
Meta mistoqsija għaliex ir-rotta ma tinkludix żoni urbanizzati bħas-Sliema u San Ġiljan, l-esperti qalu li għalissa l-prijorità hija r-rotta proposta, filwaqt li dawn iż-żoni se jibqgħu servuti minn karozzi tal-linja u laneċ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia qal li se jibdew studji ġeoloġiċi dettaljati tul ir-rotta proposta u fl-istess ħin se jitfassal netwerk ġdid tal-karozzi tal-linja li jintegra s-servizzi tal-ferrovija u tal-laneċ. Huwa żied li l-kuntratt attwali tat-trasport pubbliku jiskadi fl-2029, u t-tender il-ġdid se jinkludi dawn il-bidliet.
Dwar il-politika tal-parkeġġ, Farrugia qal li mhux fil-pjan tal-gvern li jintroduċi ħlas għall-parkeġġ fit-toroq, iżda se jkun hemm enfasi fuq disponibbiltà aħjar ta’ parkeġġ fejn hemm bżonn u fuq spazji residenzjali.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonett appella għal kunsens nazzjonali biex il-pjan jitwettaq, peress li l-implimentazzjoni tiegħu se tinfirex fuq tliet leġiżlaturi.
Huwa qal li dan il-pjan ma jissostitwixxix il-proposti preċedenti iżda jibni fuqhom, billi jintegra diversi mezzi ta’ trasport f’sistema waħda sostenibbli u adattata għall-ħtiġijiet tal-pajjiż fil-futur.
Jaelle Borg hija ġurnalista ma' din il-gazzetta kif ukoll ġurnalista tal-qorti u tinsab ...