Għaqdiet tal-ġurnalisti: nuqqas ta’ rieda fuq ir-riformi tal-media

Organizzazzjonijiet internazzjonali tal-libertà tal-istampa u tal-ġurnalisti qed iħeġġu lill-awtoritajiet Maltin biex jagħtu prijorità immedjata lil riformi tal-media.

L-għaqdiet tal-media nnutaw li l-inkjesta pubblika tal-2021 dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kienet ikkonkludiet li l-istat għandu “jerfa’ r-responsabbiltà” għax ħoloq “atmosfera ta’ impunità” u naqas milli jipproteġiha b’mod adegwat. Skont dawn l-organizzazzjonijiet l-awtoritajiet ma wrewx biżżejjed rieda biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta u biex jimbuttaw riformi fil-fond.

F’Ottubru 2025 dawn l-għaqdiet kienu ressqu proposti li fost oħrajn talbu għall-ħolqien ta’ Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-Libertà tal-Media u s-Sigurtà tal-Ġurnalisti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu l-protezzjoni tal-ġurnalisti filwaqt li joħolqu ambjent aktar favorevoli għall-ġurnaliżmu.

Semmew kif fuq livell Ewropew (UE) f’Awwissu tal-2025 ġie fis-seħħ l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media. Fost oħrajn dan l-att jirregola r-reklamar mill-istat u l-governanza tax-xandir pubbliku. Skont dawn l-għaqdiet il-progress ta’ Malta biex tallinja ruħha mal-att tal-UE għadu mhux ċar.

L-organizzazzjonijiet qed jitolbu wkoll appoġġ minn istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa u l-OSCE biex jintervjenu biex jimbuttaw lill-gvern Malti jipproċedi bir-riformi. Tmien snin u nofs wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, huma jisħqu li Malta trid tieħu azzjoni deċiżiva biex tiżgura ambjent sigur, trasparenti u indipendenti għall-ġurnalisti kollha.

L-organizazzjonijiet tal-istampa li ħarġu l-komunikat huma il-Committee to Protect Journalists, European Centre for Press and Media Freedom (ECPMF), European Federation of Journalists (EFJ), Reporters Without Borders (RSF) u l-International Press Institute (IPI).

More in Kronaka