Politika dwar l-homework: prinċipji ġodda jew sens komun?

Il-politika dwar il-homework, prinċipji ġodda jew affarijiet li l-għalliema diġà ilhom jafu? 

Min jagħmel il-homework? L-istudenti jew il-ġenituri?
Min jagħmel il-homework? L-istudenti jew il-ġenituri?

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni għadu kemm nieda politika nazzjonali ġdida dwar il-homework. Minn ħarsa lejn il-politika, ta’ tliet paġni kontenut b’tipa kbira, jidher li telenka prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti aktar milli jorbot idejn ‘l-għalliema b’dettall żejjed. Xi għalliema li tkellmu magħna qalulna li huma l-iskejjel individwali u l-għalliema fil-klassijiet li għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet dwar x’inhu l-aħjar għall-istudenti tagħhom. Irrikonoxxew iżda li homework esaġerat jispiċċaw jagħmluh il-ġenituri aktar milli jgħin lill-istudenti nfushom.

Il-Ministeru qal li l-emfasi tal-politika dwar il-homework tafferma li l-kwalità hija aktar importanti mill-kwantità. Id-dokument jagħmel asserzjonijiet li sorsi qalulna li għalliema mħarrġa diġà jafuhom. Fosthom li l-homework għandu jkun strutturat tajjeb u adattat għall-età u l-bżonnijiet tal-istudenti, filwaqt li jippromwovi l-indipendenza fit-tagħlim u d-dixxiplina personali .

Ir-reazzjonijiet fuq il-media soċjali huma varji. Ilment partikolari minn xi studenti u ġenituri huwa li l-homework hu “battalja ta’ kuljum”. Xi wħud qalu li ma jifhmux eżatt x’inhu rikjest minnhom. Xi ġenituri qalu li xi xogħol li jingħata ma jistax isir mingħajr l-għajnuna tagħhom. Għalkemm xi għalliema qalulna li jekk ix-xogħol isir mill-ġenituri jintilef l-skop tal-homework għax l-għalliema ma jkunux jistgħu jidentifikaw fejn l-istudenti ma fehmux is-suġġett sew.

Id-dokument tista' taqrah hawn:

https://education.gov.mt/wp-content/uploads/2026/01/Homework-Policy-Document_EN.pdf

More in Kronaka