Il-Partit Nazzjonalista (PN) esprima tħassib serju dwar l-irwol u l-imġiba tal-Public Broadcasting Services (PBS), fejn allega li x-xandar nazzjonali qed jonqos milli jħares l-obbligu tiegħu ta’ imparzjalità.
Fi stqarrija, il-PN qal li PBS, li huwa ffinanzjat mill-flus pubbliċi u marbut legalment li jopera b’mod bilanċjat u newtrali, qed dejjem aktar jirrifletti l-messaġġi tal-gvern. Skont il-partit, referenzi għal “benefiċċji tal-gvern” f’diversi programmi jammontaw għal promozzjoni indiretta tal-inizjattivi governattivi, li ddeskriva bħala forma ta’ “propaganda moħbija”.
Il-PN sostna wkoll li din it-tendenza mhix limitata għall-aħbarijiet biss, iżda qed tinfirex ukoll għal programmi ta’ divertiment u quiz shows, fejn skontu qed jiddaħħlu messaġġi li jiffavorixxu lill-gvern.
Il-partit irrefera għal deċiżjonijiet tal-qrati u tal-Awtorità tax-Xandir li jisħqu fuq il-ħtieġa ta’ bilanċ, proporzjonalità u newtralità fix-xandir tal-istat, u qal li dawn l-istandards qed jiġu injorati.
“Meta fondi pubbliċi jintużaw biex jippromwovu narrattiva waħda, iċ-ċittadini qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal informazzjoni bilanċjata,” sostna l-PN, filwaqt li esprima tħassib dwar dak li sejjaħ bħala żieda fil-“power of incumbency”, fejn il-partiti fil-gvern jibbenefikaw minn aċċess akbar għar-riżorsi tal-istat.
F’dan il-kuntest, il-PN appella biex PBS jopera bħala xandar nazzjonali indipendenti u kredibbli, li jaqdi l-interess pubbliku u jirrifletti firxa wiesgħa ta’ opinjonijiet.
“PBS ma jistax u m’għandux iservi bħala estensjoni tal-makkinarju partiġġjan ta’ xi partit – f’dan il-każ, dak tal-Partit Laburista,” temm jgħid il-PN.