Borg jipproponi li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali jitmexxa minn NGOs

Sejħiet għal aktar infurzar, riformi strutturali u bidla fil-mod kif jitqiesu l-annimali jiddominaw konferenza nazzjonali

Ritratt: PN
Ritratt: PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ippropona li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali għandu jitmexxa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, filwaqt li sostna li dawn għandhom l-esperjenza u l-għarfien meħtieġ biex jiffukaw fuq ir-regolamentazzjoni tas-settur.

Huwa kien qed jitkellem waqt il-National Conference on Animals 2026 li saret fil-Salina Nature Reserve bit-tema “From Welfare to Protection”.

Borg qal li d-direttorat għandu jkollu rwol ċar bħala regolatur effettiv, u ma jibqax jaġixxi kemm bħala operatur kif ukoll bħala regolatur fl-istess ħin. Huwa saħaq li l-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu u jindirizza l-isfidi eżistenti permezz ta’ leġiżlazzjoni adegwata u infurzar serju.

Huwa żied jgħid li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali għandu jkun awtonomu u mhux suġġett għal influwenza politika, b’setgħat reali ta’ investigazzjoni u mingħajr biża’ li jitneħħa mill-kariga.

Fost il-proposti tiegħu kien hemm ukoll il-ħolqien ta’ ċentru apposta għall-annimali eżotiċi li jiġu kkonfiskati, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu rilokati u jingħataw kura adegwata.

Min-naħa tiegħu, Darryl Grima, fundatur ta’ Vuċi għall-Annimali u organizzatur tal-konferenza, sostna li wasal iż-żmien li Malta tbiddel il-mod kif tħares lejn l-annimali, billi ma jibqgħux jitqiesu bħala proprjetà iżda bħala esseri li għandhom jiġu mħarsa.

Huwa qal li r-responsabbiltà li jiġu difiżi d-drittijiet tal-annimali taqa’ fuq in-nies, u appella għal bidla fundamentali fejn il-bniedem jitqies bħala “gwardjan” u mhux sid tal-annimali. Huwa sostna wkoll li d-direttorat m’għandux jibqa’ b’rwol operattiv, iżda għandu jiffoka fuq infurzar effettiv.

“Il-kliem sabiħ waħdu mhux biżżejjed – hemm bżonn azzjoni konkreta,” qal Grima, filwaqt li żied li f’sena elettorali, il-bidla tista’ sseħħ jekk in-nies jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-annimali.

Il-Ministru għall-Ħarsien tal-Annimali Anton Refalo enfasizza l-importanza li min jabbuża mill-annimali jingħata piena xierqa, u qal li dan huwa prinċipju morali u mhux biss kwistjoni teorika.

Huwa laqa’ wkoll numru ta’ spezzjonijiet li saru fl-aħħar sena, kif ukoll it-tnedija tal-klinika ta’ emerġenza għall-annimali fil-Fgura, u ħabbar li dalwaqt se jitnieda servizz simili f’Għawdex.

Lydia Abela irrikonoxxiet il-progress li sar f’Malta f’dan il-qasam, u nnutat li l-pajjiż kien fost l-ewwel fl-Unjoni Ewropea li introduċa liġijiet dwar l-abbuż tal-annimali, il-microchipping u regoli aktar stretti kontra l-abbandun.

Madankollu, hija saħqet li hemm bżonn bidla fil-mentalità, fejn l-annimali jitqiesu bħala ħlejjaq sensittivi u mhux bħala proprjetà, u li kull annimal jistħoqqlu ċ-ċans għal ħajja aħjar u dar mimlija mħabba.

More in Kronaka