Il-Prim Ministru jiddefendi l-progress fuq il-wegħdiet dwar spazji miftuħa

Il-Prim Ministru Robert Abela jiddefendi l-progress fuq il-wegħdiet dwar spazji miftuħa tal-manifest tal-2022, fost kritika dwar dewmien, u jinsisti li diversi proġetti – inkluż it-tunnel fil-Furjana u inizjattivi oħra – qed jimxu ’l quddiem

Il-Prim Ministru ddefenda l-progress tal-Gvern fuq il-wegħdiet relatati ma’ spazji miftuħa li saru waqt il-kampanja elettorali tal-2022, filwaqt li sostna li diversi proġetti issa qed jimxu ’l quddiem.

Fost dawn hemm il-proġett tat-tunnel fi Triq Sant’Anna, fil-Furjana. Huwa spjega li l-entità responsabbli diġà bdiet konsultazzjonijiet mal-komunità lokali. “L-ewwel interventi se jkunu r-restawr tal-arkati, li huwa proġett sabiħ ħafna. It-tender issa se jinħareġ u eventwalment jingħata, għalhekk il-proċess miexi,” qal il-Prim Ministru.

Il-wegħda li toroq prinċipali jitpoġġew taħt l-art u fuqhom jinħolqu ġonna kienet waħda mill-aktar punti prominenti fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-2022. Din kienet akkumpanjata minn viżwali ta’ kif setgħu jidhru proġetti f’San Ġwann, il-Furjana u Santa Venera. Madankollu, minkejja li għaddew snin, ftit li xejn jidher progress viżibbli f’uħud minn dawn is-siti.

Dwar il-proġett f’Santa Venera, il-Prim Ministru qal li dan jiddependi fuq xogħlijiet infrastrutturali oħra fil-qrib. “Osservajna li għandek il-proġett infrastrutturali tal-Imsida viċin ħafna tiegħu, u biex ikun hemm ġestjoni adegwata tat-traffiku, ma tistax ikollok żewġ proġetti kbar fl-istess ħin,” spjega.

Minkejja dan, huwa sostna li l-Gvern diġà wassal aktar spazji miftuħa minn dawk imwiegħda oriġinarjament. Semma fost oħrajn il-proġetti f’Manoel Island, White Rocks, Fort San Salvatore u Fort Tigné, li ma kinux inklużi fil-manifest.

Dwar Manoel Island, il-Prim Ministru qal li l-proġett jinsab fi stadju avvanzat. “Tajna lill-poplu Malti l-isbaħ ħolma li qatt stajna nagħtu, u issa ninsabu fil-fażi konklussiva biex jiġi ffirmat il-kuntratt,” qal.

Huwa temm jgħid li l-Gvern baqa’ jagħti prijorità kbira lill-ħolqien ta’ spazji miftuħa u ħodor. “Nemmen li għamilna ħafna f’dan il-qasam. Kien l-ewwel wegħda li niftakar li nieda fil-kampanja elettorali li għaddiet. Żammejna kelmitna mal-poplu Malti u se nkomplu nagħmlu dan,” sostna.

More in Kronaka