Raġel jinqabad jaqbad u joqtol għasfur protett f’Għawdex
Raġel f’Għawdex inqabad fuq filmat jaqbad u joqtol għasfur protett, waqt li operazzjonijiet reċenti wasslu għall-arrest ta’ 13-il suspettat u l-konfiska ta’ għexieren ta’ għasafar f’Malta u Għawdex
Filmati maħruġa mill-Committee Against Bird Slaughter (CABS) juru raġel f’Għawdex jaqbad għasfur protett u jgħaffġu taħt siequ. L-organizzazzjoni qalet li l-każ seħħ riċentement u tqajjem tħassib serju dwar il-protezzjoni tal-ħajja selvaġġa fil-gżejjer Maltin.
Skont CABS, fl-aħħar għaxart ijiem ġew identifikati 13-il persuna suspettata b’kaċċa jew trapping illegali, f’operazzjonijiet konġunti mal-pulizija. L-Environmental Protection Unit (EPU) qabdet 11-il persuna f’Malta, filwaqt li żewġ suspettati oħra nqabdu f’Għawdex.
Matul dawn l-operazzjonijiet, ġew ikkonfiskati 20 clap-net u 56 għasfur ħaj, flimkien ma’ tliet għasafar mejta. L-għasafar salvati ttieħdu għand veterinarju tal-gvern u mistennija jerġgħu jinħelsu lura fin-natura.
Il-każ f’Għawdex jinvolvi Common kestrel, speċi strettament protetta. Dan l-għasfur kien spiċċa mill-gżejjer bħala speċi li tnissel, iżda f’dawn l-aħħar snin reġa’ beda jidher b’mod limitat, b’numru żgħir ta’ koppji jbejtu b’mod irregolari.
Fil-filmat jidher ukoll li s-suspettat ipprova jaħbi evidenza u jfixkel lill-pulizija hekk kif dawn kienu qed joqorbu lejn il-post.
CABS sostniet li dawn il-każijiet huma riflessjoni ta’ nuqqas fit-tul ta’ azzjoni mill-awtoritajiet kontra l-kaċċa u trapping illegali. L-organizzazzjoni appellat biex jintemmu d-derogi eżistenti dwar it-trapping, billi targumenta li dawn jiffaċilitaw il-poaching u jikkontribwixxu għall-kummerċ illegali ta’ għasafar selvaġġi.
Il-persuni involuti mistennija jidhru l-qorti fix-xhur li ġejjin.
Reazzjoni ta’ BirdLife Malta
Fir-reazzjoni tagħha, BirdLife Malta kkundannat bil-qawwa l-att brutali.
“Filwaqt li ilna nenfasizzaw li l-kaċċa u t-trapping ta’ għasafar selvaġġi huma intrinsikament krudili, dak li rajna llum imur ferm lil hinn minn hekk. Dan mhux każ iżolat. Juri għal darb’oħra realtà allarmanti ta’ individwi li jemmnu li għandhom poter assolut fuq il-ħajja selvaġġa tagħna — poter li jabbużaw minnu sal-punt li jgħaffġu l-għasafar taħt saqajhom sakemm imutu. Din hija krudeltà fil-forma l-aktar pura tagħha. Mhijiex biss kwistjoni ta’ konservazzjoni, iżda wkoll tħassib serju dwar il-benesseri tal-annimali li għandu jxokkja lis-soċjetà kollha,” qalet l-NGO.
“Qed insejħu lill-pajjiż kollu biex juri d-diżgust tiegħu. Dan jinkludi wkoll l-eluf ta’ nies li jistgħu jħossuhom ’il bogħod mid-deċiżjonijiet politiċi li kontinwament jakkomodaw il-lobby tal-kaċċa u t-trapping. Malta waslet f’punt fejn ir-rispett lejn in-natura u d-deċenza bażika lejn il-ħajja selvaġġa qed jonqsu quddiem għajnejna. Ejjew inkunu ċari: dan mhuwiex tradizzjoni. Dan mhuwiex xjenza. Din hija biss krudeltà, immexxija minn egoiżmu bla kontroll u sens ta’ dritt distors.”
BirdLife Malta żiedet tgħid li dan l-inċident jikxef kull tentattiv ta’ “greenwashing” mill-lobby tal-kaċċa, li fl-aħħar snin ipprova jippreżenta lilu nnifsu bħala “komunità ta’ dilettanti tal-annimali.”
“Ir-realtà titkellem waħedha: għasafar protetti qed jinqatlu b’mod brutali, saħansitra Barn Owls — speċi li huma jgħidu li qed jerġgħu jintroduċu — qed jinqatlu minn kaċċaturi mill-istess lobby, filwaqt li membri fi ħdanhom, inklużi membri tal-kunsill, instabu ħatja li kisru l-liġi kemm minn qrati lokali kif ukoll barranin,” qalet. “Dak li ġara llum mhuwiex biss riżultat ta’ nuqqas ta’ infurzar, iżda wkoll konsegwenza diretta ta’ lobby li ngħata kuraġġ minn politiċi Maltin sal-punt li issa jħossu li jista’ jaġixxi b’impunità. Malta tixraqlha aħjar. Il-ħajja selvaġġa tagħna tixraqlha protezzjoni, rispett u dinjità — mhux brutalità.”
Jaelle Borg hija studenta fit-tieni sena tal-kriminoloġija