Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni diretta mill-Unjoni Ewropea sabiex ikun hemm sehem min-naħa ta' Brussell fil-ġlieda kontra l-inflazzjoni, hekk kif it-tensjonijiet globali li qegħdin ikomplu jeskalaw.
Abela tkellem waqt laqgħa tal-Kunsill Ewropew li adottat konklużjonijiet dwar l-Ukrajna, il-Lvant Nofsani, is-suq waħdieni, id-difiża u s-sigurtà Ewropea, il-migrazzjoni u l-multilateraliżmu.
Matul il-laqgħa, Abela qal illi l-konsolidazzjoni ta' suq waħdieni, illi jippermetti l-moviment liberu tal-merkanzija u s-servizzi, trid tissarraf f'impatt pożittiv reali li jinħass miċ-ċittadini u n-negozji fl-istati membri kollha.
Huwa tkellem dwar il-pressjoni fuq stati-gżejjer bħal Malta u Ċipru, illi l-fruntieri tagħhom mhumiex konnessi ma' dawk ta' pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Abela qajjem ukoll il-kwistjoni tat-tanker tal-LNG Russu Arctic Metagaz, u żied jgħid li trid tinstab soluzzjoni Ewropea għal kriżijiet bħal dawn sabiex jiġu evitati riskji ta' sigurtà u ambjentali fiż-żona.
"Irridu nappoġġjaw lill-familji u n-negozji tagħna b'miżuri li jipproteġuhom mill-impatti tal-inflazzjoni, u huwa għalhekk li rridu nsibu mod kif noffru stabbiltà u nifilħu għal xokkijiet esterni," qal il-Prim Ministru.
Abela ta enfasi partikolari lis-setturi tal-enerġija, speċjalment fl-isfond tal-isfidi li qegħdin jinħolqu mit-tensjonijiet kontinwi fil-Lvant Nofsani.
Dan iseħħ wara ż-żieda kontinwa fil-prezzijiet taż-żejt u l-gass wara l-attakki Iżraeljani u Iranjani fuq faċilitajiet taż-żejt u l-gass fir-reġjun tal-Golf.
Nhar il-Ħamis, l-attakki Iranjani qerdu 17% tal-kapaċità tal-esportazzjoni tal-gass naturali likwifikat (LNG) tal-Qatar, u kkawżaw madwar $20 biljun f'telf u heddew il-provvisti lill-Ewropa u l-Asja.
Rapporti jindikaw ukoll li l-Iran qiegħed jikkunsidra proposta sabiex jimponi tariffi ta' tranżitu fuq bastimenti li jgħaddu mill-Istrett ta' Hormuz.
L-istrett ilu magħluq minn kmieni f'Marzu, u dan ikkawża tfixkil fit-tranżitu marittimu, iżda dan l-abbozz ta' liġi jippermetti lil Tehran jimmonetizza l-kontroll tiegħu fuq il-passaġġ tal-ilma kritiku li jġorr 20% taż-żejt u l-gass likwifikat globali.
Lloyd's List, servizz tal-aħbarijiet marittimi, irrapporta li tanker wieħed huwa maħsub li ħallas $2 miljun għad-dritt li jbaħħar mill-istrett.
Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew rat lill-Unjoni Ewropea tikkundanna atti li jheddu n-navigazzjoni jew jipprevjenu lill-bastimenti milli jgħaddu mill-istrett u laqgħet l-isforzi sabiex tiġi żgurata l-libertà tan-navigazzjoni.
Hekk kif l-għadd ta’ mwiet ikompli jiżdied u l-attakki Iżraeljani qatlu aktar minn 1,000 ruħ fil-Libanu biss, l-Unjoni Ewropea ddeplorat it-telf ta’ ħajjiet ċivili fir-reġjun u qalet li hija lesta li tikkontribwixxi għall-isforzi diplomatiċi kollha biex jitnaqqsu t-tensjonijiet.
Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea appellaw lill-Iran biex iwaqqaf immedjatament l-attakki militari tiegħu kontra pajjiżi fir-reġjun, filwaqt illi appellaw ukoll lir-reġim biex iwaqqaf il-vjolenza u r-repressjoni kontra l-poplu tiegħu stess, filwaqt illi enfasizzaw li l-Iran qatt m’għandu jitħalla jakkwista arma nukleari.
Summit Ewropew sar flimkien mal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, fejn Abela ffoka fuq il-pressjonijiet tal-inflazzjoni, filwaqt li enfasizza mill-ġdid l-impatt sproporzjonat fuq pajjiżi bħal Malta minħabba l-ekonomija tagħhom dipendenti fuq l-importazzjoni.
Huwa appella sabiex jittieħdu miżuri responsabbli biex tiġi protetta l-ekonomija, filwaqt illi jkomplu jappoġġjaw l-objettivi fit-tul dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.