Ix-xogħlijiet fuq iċ-ċentru ġdid tad-distribuzzjoni tal-elettriku ta’ Enemalta fis-Siġġiewi għaddejjin b’pass tajjeb, b’fażi importanti issa tiffoka fuq l-installazzjoni tal-infrastruttura elettrika.
Dan ħareġ waqt żjara fuq il-post mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, li spjegat kif din il-faċilità hija waħda minn tliet ċentri ġodda li qed jinbnew biex isaħħu n-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-pajjiż. Iż-żewġ ċentri l-oħra jinsabu fin-Naxxar u l-Imsida.
Iċ-ċentru fis-Siġġiewi mistenni jtejjeb il-provvista tal-elettriku għal madwar 12,000 konsumatur f’diversi lokalitajiet, fosthom Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Mqabba u Qrendi. Barra minn hekk, se jtaffi l-piż fuq ċentri eżistenti f’żoni oħra tan-netwerk.
Il-binja tal-faċilità tinsab fi stadju avvanzat, kważi lesta strutturalment, u bħalissa qed jitkompla x-xogħol fuq l-installazzjoni tas-switchgear modern. Meta jitlesta, iċ-ċentru se jkun mgħammar b’żewġ transformers ta’ 30MVA, li jippermettu li jintlaħqu kemm il-ħtiġijiet attwali kif ukoll dawk futuri tal-elettriku fir-reġjun. Huwa mistenni li jibda jopera fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru Dalli kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi u miċ-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemalta Ryan Fava.
Dalli qalet li dawn iċ-ċentri huma parti minn pjan ta’ disa’ snin ta’ Enemalta mmirat biex jissaħħaħ in-netwerk nazzjonali tad-distribuzzjoni. Hija żiedet li l-proġetti jikkontribwixxu wkoll għall-Viżjoni 2050 tal-Gvern, li għandha l-għan li toħloq sistema tal-elettriku aktar robusta u ppreparata għall-isfidi tal-lum u tal-futur.
Il-proġett qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Faċilità ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRF).