Il-Gvern se jibda jipprovdi provvista bla ħlas ta’ EpiPens lil pazjenti li jinsabu f’riskju ta’ anafilassi, permezz tal-iskema Pharmacy of Your Choice (POYC), f’inizjattiva li għandha ttaffi l-piż finanzjarju fuq il-familji u ssaħħaħ il-prevenzjoni ta’ kundizzjoni potenzjalment fatali.
Il-miżura tħabbret mit-Tabib u Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela nhar it-Tlieta, li sostna li dan huwa investiment mhux biss fit-trattament iżda wkoll fil-prevenzjoni u fil-paċi tal-moħħ tal-pazjenti u tal-qraba tagħhom.
Skont il-Ministeru, l-iskema mistennija tibbenefika madwar 480 pazjent pedjatriku u 1,120 adult, b’investiment annwali ta’ madwar €352,000.
Pazjenti eliġibbli se jkunu jistgħu jibbukkjaw appuntament f’kliniki tal-Gvern fejn isir evalwazzjoni medika bbażata fuq każijiet preċedenti ta’ anafilassi. Wara l-assessjar, il-pazjenti se jingħataw żewġ EpiPens fis-sena — wieħed fil-bidu tas-sena u ieħor aktar tard.
Fil-każ tat-tfal, iż-żewġ EpiPens se jingħataw f’daqqa, sabiex jiġi żgurat li dejjem ikun hemm aċċess immedjat għall-kura f’każ ta’ emerġenza.