Membru Malti tal-Parlament Ewropew, Thomas Bajada, kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex jiġbed l-attenzjoni dwar ir-riskji li jista’ joħloq tanker Russu li qed jiddriftja fil-Mediterran ċentrali bejn Malta u l-Italja.
Fil-ittra indirizzata lill-Kummissjoni, Bajada jispjega li t-tanker “Arctic Metagaz” mhux taħt kontroll wara allegat attakk u qed jiddriftja f’żona sensittiva bejn Malta u l-gżejjer Taljani. Dan l-iżvilupp wassal għal twissijiet marittimi u tħassib dwar il-possibbiltà li l-vapur jidħol aktar qrib l-ibħra Maltin, inkluż l-inħawi ta’ Għawdex .
L-MEP jindika li s-sitwazzjoni tmur lil hinn minn inċident marittimu ordinarju u tqajjem tliet tħassibiet ewlenin: is-sigurtà Ewropea, il-protezzjoni ambjentali u r-reżiljenza tal-ilma. Huwa jenfasizza li, fil-kuntest ġeopolitiku attwali, vapur li qed jiddriftja mingħajr kontroll jista’ joħloq riskji usa’ għall-Istati Membri u għall-Unjoni Ewropea .
Aspett partikolarment sensittiv huwa dak ambjentali. Skont l-informazzjoni disponibbli, it-tanker qed iġorr mijiet ta’ tunnellati ta’ fuel kif ukoll LNG u materjali oħra, li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi serji jekk iseħħ tniġġis fil-baħar. Bajada jwissi li dan jista’ jaffettwa l-ekosistemi delikati tal-Mediterran u l-kosta Maltija, speċjalment in-naħa tal-punent ta’ Għawdex .
Importanti wkoll hija l-kwistjoni tas-sigurtà tal-ilma. Bħala pajjiż li jiddependi ħafna fuq impjanti ta’ desalination, Malta tista’ tkun vulnerabbli għal kwalunkwe inċident ta’ tniġġis qrib dawn l-installazzjonijiet, li huma essenzjali għall-provvista tal-ilma .
L-awtoritajiet Maltin qed isegwu s-sitwazzjoni mill-qrib u qed jippreparaw għal diversi xenarji, filwaqt li hemm ukoll koordinazzjoni mal-Italja. Madankollu, Bajada jinsisti li hemm bżonn solidarjetà Ewropea u azzjoni koordinata biex jiġu indirizzati r-riskji b’mod effettiv.
Fl-istess ħin, Bajada ressaq ukoll mistoqsija parlamentari flimkien ma’ kollega Taljan fejn staqsa lill-Kummissjoni x’appoġġ diġà ngħata jew jista’ jingħata lil Malta u lill-Italja, kif ukoll kif qed jiġu evalwati r-riskji għall-ambjent u għall-infrastruttura kritika .
Il-mistoqsija tfittex ukoll li tkun taf jekk il-Kummissjoni għandhiex pjanijiet biex issaħħaħ il-preparazzjoni u l-pjanijiet ta’ kontinġenza tal-UE għal inċidenti simili fil-futur, speċjalment f’żoni vulnerabbli bħal gżejjer fil-Mediterran .
Bajada temm jappella lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni urġenti lill-każ u tiżgura li l-għodod kollha Ewropej, inkluż is-servizzi tal-EMSA, ikunu lesti biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali fejn meħtieġ .