Id-deputat Sindku ta’ l-Imqabba taħt kritika għal kummenti offensivi

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob apoloġija u kundanna pubblika wara li d-Deputat Sindku ta’ l-Imqabba għamel kummenti meqjusa offensivi dwar is-saħħa mentali kontra l-Kap tal-Oppożizzjon

Id-Deputat Sindku ta’l-Imqabba, Dingli, reġa’ sab ruħu fiċ-ċentru ta’ kontroversja wara li ġie akkużat li uża l-mard mentali b’mod offensiv  biex jattakka lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg.

F’kumment li kien ippubblikat fuq il-midja soċjali u li aktar tard tħassar, Dingli rreaġixxa għal intervista ma’ Borg billi qalulu biex “iħejji ruħu għal Ward 10”. Din ir-referenza tqieset bħala offensiva, hekk kif Ward 10 kienet meqjusa bħala l-aktar sala diffiċli fl-Isptar Monte Karmeli u ngħalqet bosta snin ilu.

Il-Partit Nazzjonalista kkundanna bil-qawwa dawn il-kummenti, u fakkar li Dingli, bħala deputat sindku, jokkupa pożizzjoni ta’ responsabbiltà u għandu jġib ruħu b’mod xieraq. Il-partit talab apoloġija pubblika mingħand Dingli u appella lill-Prim Ministru Robert Abela biex jikkundanna pubblikament dawn l-istqarrijiet u jieħu azzjoni.

Fi stqarrija, il-PN qal li dan l-inċident juri li Dingli “ma tgħallem xejn” mill-kritika li rċieva fil-passat. Il-partit irrimarka li wara li s-sena li għaddiet għamel kummenti li ġew interpretati bħala li jiġġustifikaw il-vjolenza fuq in-nisa, issa qed jimmira wkoll lejn persuni li jinsabu jew kienu rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli.

Il-PN qajjem ukoll mistoqsijiet dwar il-pożizzjoni tas-Sindku Laburista ta’ l-Imqabba, Grace Zerafa, u nnota li lanqas fil-każ preċedenti relatat mal-kummenti dwar in-nisa ma kien hemm kundanna pubblika min-naħa tagħha.

S’issa, la Dingli u lanqas l-amministrazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ l-Imqabba ma ħarġu b’reazzjoni uffiċjali dwar l-aħħar allegazzjonijiet.

More in Kronaka