Il-PN jistieden lill-MCCAA u l-REWS biex jinvestigaw l-irregolaritajiet fil-fatturi ta’ ARMS

Il-Partit Nazzjonalista qed issejjaħ għal investigazzjonijiet separati biex jiġu identifikati l-iżbalji fil-fatturi ta’ ARMS li wasslu biex eluf ta’ familji f’Malta u Għawdex ħallsu aktar milli kellhom

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ formalment għal investigazzjonijiet separati mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) dwar l-irregolaritajiet fil-kontijiet fl-ARMS.

It-talba tressqet mix-Shadow Minister għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Mark Anthony Sammut u x-Shadow Minister għall-Inklużjoni u Drittijiet tal-Konsumatur Graziella Galea li dalgħodu ppreżentaw formalment żewġ ittri separati liż-żewġ entitajiet, fejn talbu li jinvestigaw b’urġenza l-każ tal-kontijiet tal-ARMS.

"Kif kien wiegħed li jagħmel fl-aħħar jiem wara li qajjem il-kwistjoni tad-diffikultà tal-kontijiet tal-ARMS, il-PN qed jitlob li ssir investigazzjoni dwar kif eluf ta' familji Maltin u Għawdxin spiċċaw ħallsu kontijiet ogħla milli suppost minħabba li ma ngħatawx l-Eco-reduction li huma intitolati għalih. Dan seħħ minkejja li l-ARMS kienet konxja ta' l-inqas sena fis-sistema tagħha" dikjarazzjoni.

“Fit-talba tiegħu lill-MCCAA, il-PN iffoka fuq id-drittijiet tal-konsumatur, in-nuqqas ta’ trasparenza, u l-fatt li r-rifużjonijiet kienu nħarġu biss lil dawk li lmentaw, filwaqt li eluf oħrajn baqgħu jħallsu żejjed mingħajr qatt ma ġew infurmati,” intqal fi stqarrija tal-partit.

Fit-talba tiegħu lir-regolatur, il-PN appella għal investigazzjoni teknika u regolatorja dwar il-metodu tal-kontijiet, il-governanza tal-ARMS, u jekk il-fondi żejda miġbura humiex qed jinżammu inġustament. Il-PN qed jappella wkoll għal rifużjonijiet awtomatiċi u backdated, kif ukoll biex jiġu kkunsidrati penali fejn applikabbli.

“Il-PN jistenna li ż-żewġ awtoritajiet jaġixxu b’mod indipendenti mill-gvern, mill-ministru u mill-ARMS, sabiex jipproteġu immedjatament lill-konsumaturi u jerġgħu jġibu l-fiduċja li ntilfet fis-sistema tal-enerġija tal-pajjiż,” qalet.

Il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli talbet għal verifika indipendenti tas-sistema tal-kontabilità tal-ARMS minkejja li l-kumpanija qalet li l-problemi ta’ kontijiet preċedenti ġew solvuti.

Fi stqarrija, il-ministeru qal li l-ARMS ikkonfermat mill-ġdid li s-sistema tagħha issa qed taħdem sew u li l-kwistjoni, li l-kumpanija kienet irrikonoxxiet qabel, ġiet solvuta.

More in Kronaka