Tifla mkeċċija mill-iskola wara li allegatament kisret sieqha l-iskola
Tifla mkeċċija mill-iskola ta’ San Miguel f’Pembroke wara li ommha kkonfrontat lill-kap tal-iskola meta waslet id-dar b’sieqha miksura
minn Ilenia Debono
Omm ta’ tifla (li xtaqet tibqa’ anonima) li kienet tattendi l-iskola ta’ San Miguel f’Pembroke – li toffri edukazzjoni għal tfal bejn it-tlieta u l-għaxar snin b’diżabbilità f’Malta – avviċinat lil din il-gazzetta fuq episodju fejn it-tifla ġiet id-dar mill-iskola b’saqajha miksura, u l-amministrazzjoni rrifjutat dawn l-akkużi.
Dan qalitu l-omm, li tixtieq tibqa’ anonima, lil din il-gazzetta.
Hi spjegat li l-iskola għandha madwar 40 student li l-maġġoranza tagħhom mhumiex verbali minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Qalet li minn dejjem kien hemm xi problemi żgħar li ma kinux gravi sa barra fejn bdiet tinkwieta bil-kbir, imma rrakkontat ċerti episodji li baqgħu magħha.
Hi tkellmet fuq l-agħar kwistjoni, meta waqt żmien il-Milied, it-tifla ġiet id-dar b’differenza fl-imġiba u hi għalqet għajn waħda għax ħasbet li din l-imġiba setgħet kienet sforz il-kundizzjoni tagħha. Madankollu, hi ndunat li t-tifla tagħha ma setgħetx tqum bilwieqfa fuq saqajha, u bdiet tilwi waħda minnhom. Meta ħadet X-Ray ta’ sieq it-tifla, indunat li kien hemm ksur f’għadma ta’ sieqha. “It-tabib kien sorpriż għax ma kellha l-ebda tbenġil, allura qalli li t-tifla ma qalgħetx daqqiet imma probabbli lwiet sieqha,” hi rrakkontat.
Hija qalet li kienet ċerta li ġralha hekk mill-iskola, speċjalment hekk kif il-bidla fl-imġiba bdiet minn meta ġiet mill-iskola. L-omm għamlet rapport mal-amministrazzjoni tal-iskola, u saħansitra ġenituri oħra wissewha li l-amministrazzjoni se tipprova tixtriha bi kliem sabiħ imma hi baqgħet ottimista. Meta l-prinċipal tal-iskola talbet li titkellem mal-omm, tal-aħħar insistiet li jitkellmu bil-fomm.
Skont l-omm, waqt il-laqgħa kien hemm preżenti l-prinċipal, wieħed mill-viċi prinċipali, u podjatra. Dawn tal-aħħar kienu difensivi iżda l-laqgħa spiċċat bil-prinċipal tgħid lill-omm sabiex ma terġax iġġib lit-tifla tagħha l-iskola wara li tgħaddilha sieqha. L-omm baqgħet imbellha hekk kif m’għandhiex alternattiva ta’ edukazzjoni għat-tfal tagħha.
Hi spjegat li meta kellha t-tifla tagħha fi skola primarja oħra ġiet rakkomandata għall-iskola ta’ San Miguel għal tfal b’diżabbiltà li sservi bħala ċentru tar-riżorsi wkoll. Minbarra San Miguel, l-omm kienet pruvat tapplika għal skola primarja oħra fejn irrifjutat lit-tifla għar-raġuni li m’hemmx biżżejjed LSEs sabiex it-tifla tirċievi l-attenzjoni adekwata. Hi qalet li din il-problema kienet riflessa wkoll f’San Miguel fejn LSE waħda kienet tieħu ħsieb żewġ studenti f’daqqa, fejn fi skejjel oħra b’iżjed studenti, normalment LSE waħda tieħu ħsieb student wieħed.
Dan ma kienx l-unika inċident li tkellmet fuqu l-omm, fejn qalet ukoll li kienet għamlet rapport meta t-tifla tagħha ġiet id-dar minn fuq it-trasport bil-pram imkisser. It-tifla ma timxix fuq saqajha waħidha, allura tirrikjedi pram speċjalizzat li mhuwiex irħis, imma l-omm qalet li forsi għax kellu tliet snin dan il-pram allura għalqet għajn waħda. Kien hemm darba oħra fejn it-tifla, li bħalissa qiegħda f’fażi fejn tesplora s-sensi tagħha, bdiet tgerrem biċċa tal-plastik mill-pram u kif niżlet minn fuq it-trasport tal-iskola, l-omm indunat li kienet qed tifga fuq il-plastik u l-għalliema qalu li ma ndunawx.
Barra minn hekk, l-iskola topera wkoll bħala ċentru ta’ riżorsi għall-istudenti b’diżabbiltà u suppost toffri terapija essenzjali għal dawn it-tfal. L-omm qalet li qatt ma rċivew dawn is-servizzi ta’ terapija, li jiswew xi €40 s-siegħa mill-privat.
L-omm qalet li l-amministrazzjoni rrifjutat dawn l-akkużi kollha, u wara l-inċident li fih it-tifla kisret sieqha għamlet rapport mal-pulizija, tkellmet mal-ministeru għall-edukazzjoni, l-Ombudsman, u anke mal-Federazzjoni ta’ Organizzazzjonijiet għan-Nies b’Diżabbiltà f’Malta (MFOPD), fejn minn dawn kollha rċeviet risposta biss mingħand l-MFOPD u dewmien mingħand il-persuna responsabbli fil-ministeru rigward tentufiet żgħar.
Għalissa t-tifla għadha d-dar sakemm tirkupra mill-ksur, bl-omm tistenna mingħand l-iskola li għalkemm keċċiet it-tifla tagħha bil-fomm, għadha tirċievi aġġornamenti bl-email dwar l-iskola.
Din il-gazzetta bagħtet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għal kumment iżda għadha qed tistenna risposta.
