Il-General Workers’ Union, permezz tat-Taqsima Forzi tad-Dixxiplina, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi, ordnat azzjonijiet industrijali kontra l-kumpanija Securital wara li din naqset milli tħallas l-arretrati dovuti lill-uffiċjali tas-sigurtà li jaħdmu magħha.
L-uffiċjali affettwati huma dawk stazzjonati fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fil-kliniċi tas-saħħa, li sa issa għadhom ma rċevewx l-arretrati tal-Class Allowances, Shift Allowances u Meal Allowances, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.
Skont il-GWU, dawn il-ħlasijiet huma dovuti wara li fl-2024 ġie adottat l-Avviż Legali 128, li jistabbilixxi li ħaddiema impjegati minn kuntratturi li jipprovdu servizzi lill-gvern għandhom jirċievu paga ugwali għal xogħol tal-istess valur bħall-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku.
It-Taqsima qalet li għamlet kull sforz possibbli biex tilħaq ftehim permezz ta’ djalogu mal-kumpanija, inkluż billi tat żmien biżżejjed biex tiġi evitata tilwima industrijali. Minkejja dan, Securital, skont l-unjin, għadha mhux qed timxi mal-obbligi legali tagħha.
Il-GWU saħqet li se tkompli tiġġieled biex kull ħaddiem jieħu dak li hu dovut lilu skont il-liġi, u ma eskludietx li toħroġ direttivi oħra jekk il-kumpanija tibqa’ tonqos milli tosserva l-obbligi tagħha.
Id-direttiva maħruġa mill-GWU tibqa’ fis-seħħ sakemm jingħata avviż ieħor.