4,368 twelid, 4,176 mwiet u 2,240 żwieġ irreġistrati fl-2025

Ir-Reġistru Pubbliku rrapporta li fl-2025 f’Malta u Għawdex twieldu 4,368 tarbija, mietu 4,176 persuna u ġew irreġistrati 2,240 żwieġ, b’Noah u Emma jibqgħu l-ismijiet l-aktar popolari għat-trabi

Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta rrapporta li matul l-2025 ġew irreġistrati 4,368 twelid, 4,176 mwiet u 2,240 żwieġ f’Malta u Għawdex.

Skont iċ-ċifri ppubblikati, mit-twelid irreġistrati, 2,243 kienu subien u 2,125 kienu bniet, jiġifieri 123 subien aktar minn bniet. F’Malta ġew irreġistrati 4,028 tarbija, li jinkludu 2,059 subien u 1,969 bniet, tnaqqis ta’ 79 twelid meta mqabbel mal-2024. F’Għawdex ġew irreġistrati 340 twelid, b’184 subien u 156 bniet.

L-aktar ismijiet popolari għas-subien f’Malta kienu Noah, Luca u Matteo, filwaqt li għall-bniet spikkaw Emma, Emilia u Leah. F’Għawdex, l-ismijiet l-aktar komuni kienu Ellie, Valentina u Mia. Għar-raba’ sena konsekuttiva, Ġanni u Luċija baqgħu fost l-ismijiet Maltin l-aktar magħżula.

Fir-rigward tal-imwiet, fl-2025 ġew irreġistrati total ta’ 4,176 mwiet madwar il-gżejjer. Minn dawn, 3,838 seħħew f’Malta, b’1,979 irġiel u 1,859 nisa. F’Għawdex ġew irreġistrati 338 mewt, li jinkludu 168 irġiel u 170 nisa.

Ir-Reġistru Pubbliku rrapporta wkoll li matul l-2025 ġew irreġistrati 2,240 żwieġ f’Malta u Għawdex, żieda meta mqabbla mas-sena ta’ qabel. Fl-2024 kienu ġew irreġistrati 2,021 żwieġ, filwaqt li fl-2025 dan in-numru tela’ għal 2,069, żieda ta’ 48 żwieġ. F’Għawdex ġew irreġistrati 171 żwieġ.

Matul l-istess perjodu, f’Malta ġiet irreġistrata Unjoni Ċivili waħda biss, filwaqt li n-numru totali ta’ koabitazzjonijiet irreġistrati kien ta’ 65, b’60 f’Malta u ħamsa f’Għawdex.

Fir-rigward taċ-ċertifikati, fl-2025 ir-Reġistru Pubbliku f’Malta ħareġ 76,357 ċertifikat, żieda ta’ 2,593 meta mqabbel mal-2024. Minn dawn, 1,543 kienu ċertifikati multilingwi għall-użu f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Is-servizz online taċ-ċertifikati kompla jikber ukoll, b’44,460 talba fl-2025 meta mqabbel ma’ 42,425 fl-2024. F’Għawdex inħarġu 6,157 ċertifikat, flimkien ma’ 57 ċertifikat multilingwi u 38 Ċertifikat ta’ Ebda Impediment.

Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija tal-Identita' Edric Zahra, enfasizza r-rwol essenzjali tar-Reġistru Pubbliku fl-uffiċjalizzazzjoni tal-istatus ċivili ta’ kull individwu, mit-twelid sal-mewt.

“Mill-wasla ta’ tarbija sal-aħħar tal-ħajja ta’ persuna, ir-Reġistru Pubbliku jifformalizza kull stadju tal-istatus ċivili. L-Identity Agency tibqa’ impenjata li tipprovdi servizzi effiċjenti u effettivi, filwaqt li l-istrateġija diġitali qed tippermettilna nkomplu ntejbu u nespandu s-servizzi għall-klijenti kollha fis-snin li ġejjin,” qal Zahra.

More in Kronaka