Is-suq tal-proprjetà juri reżiljenza b’żieda sinifikanti fil-konvenji fl-2025

Żieda ta’ 7% fil-konvenji u kważi €6 biljun f’valur juru li s-suq tal-proprjetà f’Malta u Għawdex baqa’ b’saħħtu fl-2025, b’familji Maltin u Għawdxin ikomplu jqisu l-proprjetà bħala investiment fit-tul

Is-suq tal-proprjetà f’Malta u Għawdex kompla juri sinjali ta’ saħħa u stabbiltà matul l-2025, hekk kif l-attività fil-konvenji (Promise of Sale) irreġistrat tkabbir kemm fin-numru kif ukoll fil-valur totali tagħhom, skont ċifri ppubblikati mill-Malta Development Association (MDA).

Meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, in-numru totali ta’ konvenji żdied minn 15,266 fl-2024 għal 16,636 fl-2025, li jfisser żieda ta’ madwar 7 fil-mija. Fl-istess perjodu, il-valur monetarju ta’ dawn il-ftehimiet tela’ minn €5.11 biljun għal kważi €6 biljun – żieda ta’ €851 miljun jew 17 fil-mija, żvilupp li jkompli jikkonferma l-fiduċja qawwija fis-settur tal-proprjeta'.

Skont l-MDA, dawn iċ-ċifri juru li familji Maltin u Għawdxin għadhom iqisu l-proprjetà bħala investiment sigur u ta’ valur fit-tul. Il-livell għoli ta’ attività fil-konvenji mhux biss jindika fiduċja fis-suq, iżda wkoll jenfasizza l-importanza li jinżamm bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-aċċessibbiltà, sabiex is-suq jibqa’ ġust għall-parteċipanti kollha.

Il-President tal-MDA, Michael Stivala, qal li dawn ir-riżultati jsaħħu r-rwol ċentrali li s-settur tal-proprjetà għandu fl-ekonomija Maltija. Huwa rrimarka li l-Assoċjazzjoni se tkompli tagħmel pressjoni favur riformi li jsaħħu s-sostenibbiltà fit-tul tal-industrija, jippromwovu żvilupp urban responsabbli, jipproteġu l-ambjent u l-ispazji ħodor, u jnaqqsu l-burokrazija bla bżonn.

Stivala żied li hemm ottimiżmu kawt lejn is-sena li ġejja, b’aspettattivi pożittivi li s-settur ikompli jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż, filwaqt li jiġi żgurat li l-iżvilupp isir b’mod bilanċjat u sostenibbli.

More in Kronaka