Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Unjoni Ewropea waslet f’“mument kritiku” fl-isforzi tagħha biex tiżgura paċi dejjiema fl-Ukrajna, filwaqt li wissiet li kull ftehim irid ikun ibbażat fuq id-dinjità, il-ġustizzja u l-libertà.
Meta kienet qed tindirizza lill-mexxejja Ewropej waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, Metsola qalet li l-UE, min-natura tagħha stess, hija proġett ta’ paċi u li kull sforz ġenwin favur il-paċi għandu dejjem jiġi milqugħ.
Hija nnutat li l-aħħar inizjattivi diplomatiċi ressqu lill-Unjoni Ewropea eqreb minn qatt qabel lejn ftehim ta’ paċi, iżda saħqet li paċi kredibbli tista’ tintlaħaq biss jekk tkun mibnija fuq prinċipji sodi. Metsola wissiet kontra kwalunkwe sinjal ta’ dgħufija jew firda bejn l-alleati Ewropej.
“Ma nistgħux naffordjaw li nuru fragilità jew nuqqas ta’ għaqda,” qalet Metsola, filwaqt li sostniet li r-Russja trid tħoss pressjoni reali biex tidħol f’negozjati u tara li huwa impossibbli li tinħoloq firda bejn l-Ewropa, l-Ukrajna u l-Istati Uniti.
Il-President tal-Parlament Ewropew enfasizzat ukoll il-ħtieġa ta’ garanziji ta’ sigurtà b’saħħithom għall-Ukrajna, u insistiet fuq il-prinċipju ta’ “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna” bħala essenzjali biex jiġi żgurat futur stabbli għall-kontinent Ewropew.
Metsola rreferiet ukoll għall-ħidma tal-Parlament Ewropew, u qalet li f’diversi oqsma kien proprju l-Parlament li mexxa għal riżultati aktar ambizzjużi. Hija żiedet li dan ir-ritmu ta’ ħidma se jkompli fis-sena l-ġdida, b’enfasi partikolari fuq il-kummerċ transatlantiku u l-implimentazzjoni tal-ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti.
Fid-diskors tagħha, Metsola messet ukoll il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni Ewropea, u osservat li minkejja li t-tkabbir tal-GDP jinsab fuq 1.4 fil-mija u l-inflazzjoni naqset għal madwar 2 fil-mija, hemm bżonn aktar miżuri biex jiġu mħeġġa l-investiment u jitlesta s-Suq Uniku.
Fl-aħħar nett, hija appellat lill-mexxejja Ewropej biex imorru lil hinn mis-sempliċizzazzjoni regolatorja u jiffukaw fuq miri ta’ investiment aktar ambizzjużi, kif imfissra fir-Rapport Draghi.