Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-kollaborazzjoni li għaddejja bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex jaffaċċjaw it-theddid ċibernetiku u ibridu li qed jaffettwa lill-kontinent kollu.
Waqt summit fi Brussell, Abela saħaq li dawn l-isfidi jeħtieġu rispons magħqud, hekk kif huma theddid li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Huwa enfasizza l-importanza ta’ solidarjetà u koordinazzjoni kontinwa bejn il-pajjiżi Ewropej f’dan il-qasam.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-progress u l-isforzi li qed iwasslu biex il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jersqu eqreb lejn l-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, Abela appella għal aktar għaqda madwar il-kontinent, speċjalment fi żminijiet diffiċli, u tenna l-impenn ta’ Malta li tħeġġeġ is-sħubija u l-kollaborazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi.
Abela tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li jiġu solvuti tilwimiet bilaterali, filwaqt li enfasizza li dawn m’għandhomx ikunu ostaklu għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea.
Fl-aħħar nett, il-Prim Ministru tenna l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għall-proċess ta’ tkabbir tal-Unjoni Ewropea, li ddeskrivieh bħala imperattiv ġeopolitiku essenzjali għas-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa. Huwa sostna li dan il-proċess għandu jibqa’ msejjes fuq il-valuri fundamentali Ewropej, fosthom id-demokrazija, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u s-saltna tad-dritt.