L-IĠM jikkundanna kummenti ta’ Jason Micallef lejn il-ġurnalisti
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna l-kummenti ta’ Jason Micallef fil-konfront tal-ġurnalisti
More in Kronaka
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna l-kummenti ta’ Jason Micallef fil-konfront tal-ġurnalisti
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ikkundanna bil-qawwa l-kummenti li għamel iċ-Chairperson tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, Jason Micallef, fil-konfront ta’ ġurnalista ta’ Newsbook, u ddeskriviehom bħala tentattiv ta’ intimidazzjoni u bullying lejn ġurnalisti li jkunu qed jagħmlu xogħolom.
Skont l-IĠM, il-kummenti ta’ Micallef saru wara li l-ġurnalista staqsiet dwar id-deċiżjoni li ż-żona tal-piknik f’Ta’ Qali tkun miksija biż-żrar. L-istitut sostna li tali aġir minn uffiċjal pubbliku huwa inaċċettabbli f’soċjetà demokratika, speċjalment meta dan ikun indirizzat lejn ġurnalisti li għandhom id-dmir li jistaqsu mistoqsijiet u jżommu lil dawk fil-poter responsabbli ta’ għemilhom.
L-IĠM enfasizza li r-rwol tal-ġurnalisti huwa li jinformaw, jinvestigaw u jfittxu tweġibiet f’isem is-soċjetà, filwaqt li huwa d-dmir ta’ kull persuna f’kariga pubblika li tkun trasparenti u tagħti rendikont ta’ deċiżjonijiet li tieħu. L-istitut wissa wkoll li l-fatt li ġurnalist jiġi msemmi b’ismu fuq il-midja soċjali, b’mod li jqiegħdu għar-ridikolu, jista’ jpoġġih f’riskju ta’ fastidju pubbliku.
Fl-istqarrija tiegħu, l-IĠM fakkar li dan mhux l-ewwel każ ta’ din ix-xorta li jinvolvi lil Micallef, u talbu jneħħi l-post inkwistjoni u jiskuża ruħu għall-kummenti tiegħu. L-istitut sostna li tentattivi bħal dawn biex jiġu intimidati l-ġurnalisti mhux se jwaqqfuhom milli jkomplu jagħmlu xogħolhom u jaqdu d-dmir tagħhom lejn il-pubbliku