Il-Kampanja ‘Think Twice!’ tniedi film edukattiv dwar is-sigurtà fit-toroq

Permezz ta’ storja realistika u emozzjonali, b’elementi grafiċi adattati biss għall-adulti, filmat ġdid ta’ kampanja ta’ sikurezza fit-toroq se jqajjem kuxjenza dwar kif deċiżjoni ħażina waħda tista’ twassal għal konsegwenzi kbar 

Il-kampanja Think Twice!’ nediet film edukattiv ġdid li se jintwera madwar Malta u Għawdex bil-għan li jżid l-għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq u l-konsegwenzi reali ta’ deċiżjonijiet irresponsabbli waqt is-sewqan.

Il-produzzjoni tinkludi rikostruzzjoni realistika ta’ inċident tat-traffiku, u turi b’mod dettaljat x’jiġri fl-ewwel minuti kruċjali wara l-impatt. Il-film juri wkoll ix-xenarju immedjat tal-wasla tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-servizzi tal-emerġenza, b’enfasi fuq il-mumenti li ħafna drabi jiġu injorati jew ma jiġux ikkunsidrati mis-sewwieqa ta’ kuljum.

Waqt attività speċjali f’Ta’ Qali, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li l-film għandu jagħti dimensjoni ġdida lill-mod kif nitkellmu dwar l-inċidenti tat-traffiku.
“Aħna nitkellmu ħafna dwar vittmi u inċidenti, imma ħafna drabi d-diskors jibqa’ superfiċjali. Dan il-video jolqot aktar għax in-nies jistgħu jaraw b’mod ċar x’jiġri verament,” sostna Bonett.

Il-Ministru ħeġġeġ ukoll biex nirrikonoxxu fatturi ġodda li qed iżidu r-riskju fit-toroq, fosthom l-użu tad-drogi, l-użu tal-mobile waqt is-sewqan u għemil irresponsabbli ieħor li qed joħloq riskji kbar għall-komunità.

Il-film jgħaqqad storja emozzjonanti u grafika ma’ messaġġ ċar ħafna: bi żball wieħed, ħajja tista’ tinbidel għal dejjem. Il-kontenut grafiku tiegħu huwa maħsub għall-adulti u għandu l-għan li jolqot direttament lill-udjenza, sabiex jifhmu l-konsegwenzi reali u immedjati ta’ mument wieħed ta’ nuqqas ta’ ġudizzju.

Id-direttur tal-film Jason Zerafa qal li l-esperjenza kienet waħda li affettwatu ħafna personalment.
“Matul il-filming indunajt li x-xeni li kienu qed jaġixxu l-atturi huma realtajiet li ħafna nies jgħaddu minnhom. Kien hemm mumenti li verament messewni,” qal b’emozzjoni, filwaqt li spjega kif il-proċess tal-ħolqien tal-film kien qawwi ħafna anke għal crew u atturi.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-film se jibda jintwera fil-mobile cinema apposta li se ddur il-bliet u r-raħal ewlenin ta’ Malta u Għawdex. L-iscreening se jkompli matul is-sena d-dieħla, bil-mira li jilħaq eluf ta’ nies u jgħin biex jitnaqqsu l-imwiet u l-inċidenti fit-toroq billi jqajjem għarfien aktar profond dwar ir-realtà ta’ kull impatt.

Il-kampanja tfakkar li l-għażla li tagħmel wara li tixrob, meta tħares lejn il-mobile, jew meta tgħafas l-gas tista' tkun deċiżjoni li tibdel ħajtek — jew ta’ ħaddieħor — għal dejjem.

More in Kronaka