Momentum jitlob informazzjoni dwar il-proposta f’San Ġorġ

Momentum jitlob id-dokumenti kollha relatati mal-applikazzjoni tad-db biex jieħu biċċa kosta pubblika f’San Ġorġ 

Momentum għamel talba għall-informazzjoni pubblika mal-Awtorità tal-Artijiet dwar applikazzjoni tal-grupp db biex jieħu biċċa kosta pubblika f’San Ġorġ u jibni pixxina u beach deck fuqha.

Il-moviment qal li l-applikazzjoni – PA/07224/25 – saret minn db San Gorg Property Limited u Robert Debono, u tinkludi t-twaqqigħ ta’ strutturi eżistenti u l-bini ta’ pool u deck, inkluż xogħol ta’ skavar għall-istruttura tal-pixxina.

Momentum, permezz tal-membru tiegħu Matthew Agius, qed jitlob aċċess għal dokumenti kollha relatati mal-proposta, fosthom studji u pjani li juru l-ftehim jew it-titolu tal-art. Skont Momentum, iż-żona inkwistjoni bħalissa hija boathouse fuq il-blat tal-bajja pubblika ta’ San Ġorġ.

It-talba tinkludi wkoll il-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità tal-Artijiet dwar kwalunkwe konċessjoni li tikkonċerna s-sit.

Il-partit qed jesiġi kopji ta’ kwalunkwe applikazzjoni jew permess li sar mal-Awtorità tal-Artijiet qabel ġiet sottomessa mal-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll riċevuti ta’ ħlasijiet relatati mas-sit.

Momentum iridu jaraw ukoll evalwazzjoni tal-valur tal-art, id-dettalji tal-kumpens mogħti lil xi kerrej preċedenti, kwalunkwe proċess ta’ tender konness mas-sit u l-ismijiet ta’ dawk li ssottomettew offerta.

L-FOI issir hekk kif il-pjanijiet għal dan il-proġett fil-qalba ta’ San Ġorġ jerġgħu jqajmu tħassib dwar l-aċċess pubbliku għall-kosta u l-użu privat ta’ art li tappartjeni lin-nies.

More in Kronaka