Sigurtà fl-iskejjel taħt pressjoni wara l-inċident fl-iskola f’Pembroke
Attakk b’sikkina bejn żewġ studenti fl-iskola sekondarja f’Pembroke jwassal għal mistoqsijiet dwar dixxiplina u appoġġ emozzjonali fil-komunità edukattiva
minn Jaelle Borg
Student ta’ 14-il sena nstab ferut b’sikkina fil-Kulleġġ Santa Klara f’Pembroke u ttieħed l-isptar għal kura medika, filwaqt li student ieħor tal-istess età ġie arrestat. L-inċident, li seħħ fil-bidu tal-ġurnata tal-iskola, ikkawża ansjetà fost l-istudenti u l-ġenituri, u reġa’ fetaħ id-dibattitu dwar is-sigurtà fl-iskejjel Maltin.
Filwaqt li l-pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha, diversi studenti li kienu preżenti għaddew kummenti fuq pjattaformi online fejn iddeskrivew dak li raw. Wieħed qal li l-akkużat xi jiem qabel kien daħħal mobile miegħu u kien jinsab ċert li kien il-vittma li kixfu, u dakinhar filgħodu daħal bis-sikkina u mar dirett fuqu, saqsieh kienx hu, u l-vittma qallu le, però dan ma emmnux u tah sitt daqqiet ta’ sikkina. Fl-istess kumment kien hemm miktub ukoll li hekk kif kien ħa jtih is-seba’ daqqa’ f’għonqu, żagħżugħ Malti daħal fin-nofs u xekklu milli jagħmel dan, u f’dak il-mument wasslu l-għalliema fejn waqqfuh u ċemplu lill-pulizija. Dawn id-deskrizzjonijiet mhumiex verifikati u issa jinsabu f’idejn l-awtoritajiet għal aktar ċarezza dwar x’ġara eżatt.
F’intervista ma’ din il-gazzetta, l-Eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-inċidenti ta’ vjolenza fl-iskejjel għandhom jiġu analizzati b’serjetà iżda mingħajr paniku jew miżuri li jistgħu jagħmlu l-iskejjel “jinħassu bħallikieku huma fortizzi”. Huwa sostna li parti essenzjali mill-prevenzjoni tagħha hija li l-iskejjel ikunu ambjent rilevanti u adattat għat-tfal. “Studenti li jħossu li l-ħajja fl-iskola mhix rilevanti u addattata għalihom aktar ikollhom imġiba diffiċli,” qal Bartolo.
Huwa fakkar fi programmi li ġew introdotti biex jiġu appoġġjati studenti b’imġiba aktar kumplessa, fosthom il-programm ‘Achieve’, programmi li kienu jinvolvu nies mill-Forzi Armati biex jissaħħaħ sens ta’ dixxiplina, u esperjenzi edukattivi alternattivi bħaċ-Ċentru tal-Imsida. Tkellem ukoll dwar politika kontra l-bullying li kienet tfittex li tipproteġi kemm l-istudenti kif ukoll il-kapijiet tal-iskola minn pressjonijiet żejda. “Konna nkunu umani fl-attitudni iżda mhux rotob,” żied jgħid.
Bartolo jgħid li l-iskejjel għandhom bżonn appoġġ minn barra biex jindirizzaw il-problemi. “Riċerka turi li terz tal-imġiba tal-istudenti hija influwenzata mill-iskola u żewġ terzi mill-familja, is-soċjetà, il-midja soċjali u r-realtajiet ikkumplikati ta’ barra,” qal. “Għandu jkun hemm interventi edukattivi, soċjali u psikoloġiċi biex l-iskola toffri esperjenza tajba għall-istudenti kollha.”
Rigward il-possibbiltà ta’ miżuri addizzjonali ta’ kontroll, Bartolo qal li jista’ jkun hemm każ fejn staff tal-bibien ikollu tagħmir ta’ metal detecting li jinżamm fl-idejn biex jiskennja meta jkun meħtieġ, iżda temm jgħid li dawn għandhom isiru b’għaqal u proporzjonat. “Problemi umani u soċjali ma jissewwewx biss b’mezzi ta’ sigurtà,” tenna.
Bartolo enfasizza wkoll li xogħol edukattiv kontinwu jibqa’ fundamentali, fosthom it-titjib fis-servizzi ta’ counsellors u psikologi f’kull skola. “Hemm bżonn li l-iskejjel jgħinu lill-istudenti jifhmu lilhom infushom u jitgħallmu jgħixu mal-oħrajn biex ikunu jistgħu jaffaċċjaw il-problemi bla vjolenza,” qal.
L-inċident tal-iskola f’Pembroke issa jinsab taħt investigazzjoni formali u l-komunità edukattiva qed tistenna aktar informazzjoni dwar x’se jkun il-pass li jmiss. Sa dakinhar, il-konverżazzjoni dwar kif l-iskejjel jistgħu jibqgħu post sigur u fl-istess ħin ambjent ta’ tagħlim u appoġġ tibqa’ miftuħa.
