Dalgħodu: Jidħol f'appartament, ixerred il-petrol u jagħti n-nar biex jaħraqhom ħajjin

Raġel ta' 29 sena arrestat b'rabta ma' attentat ta' qtil dalgħodu fil-Gżira - wieħed mill-vittmi jinsab l-isptar

Raġel ta’ 29 sena residenti l-Gżira ġie arrestat b’rabta ma’ allegat attentat ta’ qtil li seħħ kmieni dalgħodu fil-Gżira.

Waqt tfittxija fir-residenza fejn jgħix ir-raġel, il-pulizija sabet ukoll ammont ta’ sustanza, allegatament droga.

Għal xis-7:00 a.m. il-Pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema rċeviet telefonata fejn persuna bdiet tgħid li waqt li qiegħed fl-appartament tiegħu fi Triq ix-Xatt, il-Gżira, xi ħadd daħal ġewwa bil-forza, beda jxerred il-petrol, ta n-nar u ħarab minn fuq il-post.

L-istess persuna qalet li flimkien ma’ mara li kienet miegħu fl-appartament, irnexxielhom jitfu n-nar.

Il-Pulizija tad-Distrett u tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u Omiċidju marru mill-ewwel fuq il-post u sabu lill-vitttmi - raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 40 sena.

Ir-raġel kellu jittieħed għal kura fl-Isptar Mater Dei minħabba li sofra ħruq f’partijiet ta’ ġismu u aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.

Mill-investigazzjonijiet illi saru, fi ftit ħin il-pulizija irnexxielha tidentifika l-allegat agressur, iċċirkodaw ir-residenza tiegħu fi Triq l-Empire Stadium, Gżira u ġie arrestat.

Minn tfittxija fir-residenza, il-pulizija sabu aktar minn nofs kilo sustanza suspettata kannabis, ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy, kif ukoll oġġetti oħra suspettati li huma relatati mat-traffikar tad-droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia  ġiet nfurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin

More in Kronaka