Tlieta arrestati wara sejba ta' 55 kilo kannabis fuq lanċa tas-sajd

Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq is- €750,000

Il-lanċa li fuqha instabet id-droga
Il-lanċa li fuqha instabet id-droga

Ġimgħat ta’ investigazzjoni u sorveljanza mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq il-movimenti ta’ lanċa tas-sajd, waslu għal sejba ta’ madwar 55 kilo kannabis li kienet se tiddaħħal Malta.

B’rabta ma’ din is-sejba ġew arrestati tliet irġiel Taljani li għandhom 34 sena, 35 sena u 54 sena u kollha huma residenti Malta.

L-Erbgħa wara nofsinhar, membri tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) iċċirkondaw il-lanċa, li hija rreġistrata Malta, malli din trakkat mal-moll f’Wied il-Għajn.

Wieħed mill-persuni abbord, malli lemaħ il-pulizija qabeż il-baħar iżda ġie arrestat mill-ewwel, waqt li ġiet arrestata l-persuna l-oħra li kienet fuq il-lanċa. Qiegħed jinżamm ukoll mill-pulizija raġel ieħor li kien qiegħed jistenna l-lanca titrakka mal-moll.

Il-55kg droga kannabis instabet f’diversi boroż tal-plastik f’sitt xkejjer tad-drapp, li kienu moħbijin f’partijiet differenti tal-lanċa. Il-valur fit-triq, li kieku din id-droga nbiegħet, kienet tlaħħaq is- €750,000. Saru wkoll tfittxijiet fir-residenza tat-Taljani fejn instab ammont zgħir tal-pjanta kannabis u sustanza bajda, allegatament droga kokaina. Iż-żewġt irġiel ta’ 34 sena u 35 sena, li kienu fuq il-lanċa, se jkunu qegħdin tressqu l-Qorti llum dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

More in Kronaka