Iċempel lil tad-delivery tal-ikel biex jisraqhom ... arrestat mill-Pulizija

Malli wasal fuq il-post ir-raġel tad-delivery, l-akkużat avviċinah, ħareġ sikkina u talbu l-flus li kellu fuqu

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla, tar-Rapid Intervention Unit u  tal-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti (Violent Crime Unit) fi ħdan id-Dipartiment talInvestigazzjonijiet Kriminali, wasslet biex ġie arrestat raġel ftit ħin biss wara li allegatament wettaq hold-up fuq impjegat ta’ stabbiliment waqt li kien qed iwassal l-ikel.
 
Ir-raġel arrestat għandu 30 sena u huwa residenti Bormla. Huwa qed jiġi investigat ukoll mill-Pulizija b’rabta ma’ tliet serqiet simili li seħħew fuq ‘delivery persons’ : fid-9 ta’ April f’Ħaż-Żabbar, fl-10 ta’ April fl-Isla u fl-14 ta’ April f’San Ġwann.
 
Il-bieraħ, għall-ħabta tad-9:30 p.m, raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Tarxien, daħal fl-Għassa ta’ Bormla jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq waqt li kien qiegħed iwassal l-ikel fi Triq San Pawl, f’Bormla.
 
Mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li x’ħin mar bl-ordni li kellu tal-ikel f'residenza privata, il-persuna li fetħitlu qalet li ma kienux ordnaw ikel. Għaldaqstant, il-vittma għamel kuntatt mal-persuna li għamlet l-ordni, li qaltlu biex jiltaqgħu f’parkeġġ fi Triq San Pawl.
 
Il-vittma mar fuq il-post u ftit wara avviċinah raġel illi allegatament ħareġ sikkina u talbu il-flus li kellu fuqu. Il-ħalliel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.
 
Il-vittma minnufih mar l-Għassa jagħmel rapport u mid-deskrizzjoni li ta, rriżulta li lallegat aggressur joqgħod f’residenza fi Triq San Franġisk, Bormla. Il-Pulizija marru fuq ilpost fejn l-allegat agressur, raġel ta’ 30 sena,  ipprova jaħrab minn tieqa tar-residenza, iżda ġie arrestat mill-ewwel.

Minn tfittxija li saret fir-residenza, il-Pulizija elevat diversi oġġetti li nsterqu fil-hold-up ta’ dal-lejl u anke oġġetti oħra li x’aktarx huma wkoll misruqa mill-każijiet l-oħra msemmija.
 
Ir-raġel ta’ 30 sena ittieħed lejn il-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet. Irriżulta li l-istess persuna allegatament wettaq it-tliet serqiet l-oħra li seħħew fl-aħħar ġimgħa.

'Aċċettaw il-ħlas minn qabel' - L-Ispettur Fabien Fleri

L-Ispettur Fabien Fleri mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti qal li “l-appell tagħna lil ħwienet kollha, kemm jekk huma dawk tal-ikel, kif ukoll oħrajn li joffru servizz ta’ delivery fid-djar, huwa sabiex jaċċettaw ħlas minn qabel, meta ssir l-ordni. Dan sabiex min iwassal l-affarijiet fid-djar ma jġorrx fuqu flus kontanti u b’hekk ikun qed inaqqas il-periklu fuqu u jkun fil-mira tal-ħallellin. Din kienet ħidma konġunta bejn tliet taqsimiet tal-Korp li ħalliet il-frott mixtieq fil-ġlieda tagħna kontra l-kriminalità. Turi wkoll li l-ħidma tagħna baqgħet għaddejja waqt li fl-istess ħin qegħdin ninforzaw il-liġijiet fejn tidħol il-COVID19.”
 
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn l-erba’ każijiet għadhom għaddejjin.

More in Kronaka