Raġel ta’ 37 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident bil-vettura fil-Ħamrun.
Kien għall-ħabta tal-9:45pm meta Kuntistabbli kien għaddej minn Triq Nazzjonali fil-Ħamrun, lejn il-Furjana u nnota vettura li ħadet in-nar.
Huwa mar fuq il-post u għen lis-sewwieq tal-karozza biex joħroġ mill-karozza.
Kien hu stess li wara sejjaħ għall-għajnuna ta’ tim mediku u anke tal-Protezzjoni Ċivili.
Ir-raġel, għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura u daħal f’siġra, bil-karozza tieħu n-nar.
Huwa ttieħed Mater Dei minnufih fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.