Fl-aħħar ħinijiet, id-Dwana għalqet l-investigazzjonijiet tagħha wara li fil-jiem li għaddew Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Propjeta' Intellettwali nterċettaw erba’ kontejners li kienu qed iġorru eluf ta’ oġġetti kontrafatti (foloz):
- Fl-ewwel kontejner instabu 26,592 flixkun fwieħa falza ta' disgħa ditti rinomati
- Fit-tieni kontejner instabu 42,144 flixkun shampoo falz ta’ żewġ ditti rinomati
- Fit-tielet u r-raba' kontejner ġew ikkonfiskati 41,436 flixkun vojt, ta’ żewġ ditti rinomati tal-fwieħa, bl-intenzjoni ċara li jiġu mimlija bi fwieħa ta’ kwalita’ inferjuri.
F'din il-ħidma kien hemm koordinament bejn it-Taqsimiet tal-Propjeta' Intelletwali tad-Dwana, il-Container Monitoring Unit u l-iScanning Team.
L-oġġetti kollha maqbuda rriżulta li huma kollha kontrafatti wara li rappreżentanti legali f’Malta tal-kumpaniji right holders rispettivi, li huma propjetarji tal-marki reġistrati (trademarks), ikkonfermaw l-illegalità ta’ dawn il-konsenji, u kkonfermaw ukoll li tali importazzjoni tikkontravjeni id-dritt tal-propjetà intellettwali.
Il-kumpaniji propjetarji tal-marki reġistrati mistennija jippreżentaw rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpaniji kontraventriċi f’kull każ.