Skiet minn Malta u l-Italja wara talba għall-għajnuna mill-bastiment Alan Kurdi

L-ekwipaġġ salva 65 immigrant li ntlemħu madwar 34 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Libjana

Kmieni dalgħodu, l-ekwipaġġ abbord il-bastiment Alan Kurdi salva 65 immigrant minn fuq dinghy tal-lasktu wara li sabu ruħhom f’diffikulta f’ibħra internazzjonali, madwar 34 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Libjana.

Fi stqarrija, l-ekwipaġġ saħaq li għamel kuntatt kemm maċ-ċentri ta’ kontroll u salvataġġ ta’ Tripli, Ruma, Malta u Bremen fil-Ġermanja.

Jider li sa issa baqgħu bla tweġiba mil-Libja, l-Italja u anke Malta filwaqt li ċ-ċentru Ġermaniż infurmahom li kien se jagħmel kuntatt mal-Gvern.

Skont l-ekwipaġġ, l-immigranti ntlemħu dalgħodu u malli ressqu biex isalvawhom dawn ippruvaw jaħarbu għax ħasbuhom Gwardji tal-Kosta Libjani.

Filwaqt li d-dinghy kellu biżżejjed fjuwil, l-immigranti ma kellhomx l-apparat meħtieġ biex ibaħħru. Kellhom ukoll 10 litri biss ilma tax-xorb.

Skont rapporti, dan id-dinghy kien ilu fil-baħar aktar minn 12-il siegħa.

More in Kronaka