Maqbud f'Milan it-tielet terrorist wara l-attakk ta' Bardo fit-Tuneżija

Il-Marokkin kien daħal l-ewwel darba fl-Italja bħala immigrant irregolari
 

L-attakk terroristiku kien seħħ fit-18 ta' Marzu fit-Tuneżija
L-attakk terroristiku kien seħħ fit-18 ta' Marzu fit-Tuneżija

Il-pulizija Taljana arrestaw Marokkin b'suspett li kien parti mill-attakk fuq il-Mużew Nazzjonali ta' Bardo f'Tuneż - f'liema attakk inqatlu 21 turist f'Marzu li għadda.

Il-Marokkin ġie arrestat mill-pulizija anti-terrorista tal-Italja. Il-mezzi tax-xandir Taljani rrapurtaw li raġel ta' 22 sena ġie arrestat fir-raħal ta' Gaggiano, 8 mili 'l bogħod minn Milan.

Il-gazzetta Taljana La Reppublica qed tirraporta kif Touil Abdel Majid, it-terrorista maqbud f'Milan, kien ġie espuls minn Agrigento fis-17 ta' Frar. Wara dan il-perjodu kienu ntilfu t-traċċi tiegħu kollha. Huwa kien wasal fl-Italja permezz ta' dgħajsa, fost 90 immigrant ieħor - fejn kien ingħata provediment ta' espulsjoni.

L-investigaturi qed jgħidu li Majid kien il-moħħ wara t-tfassil u t-twettieq tal-attakk terroristiku f'Bardo - wara liema attakk mar lura l-Italja bħala immigrant irregolari.

L-attakk f'Bardo seħħ fit-18 ta' Marzu, fejn inqatlu total ta' 22 persuna b'kollox, inkluż pulizija Tuneżin.

Żewġ terroristi Tuneżini ġew maqtula permezz ta' tir fuq ix-xena stess, wara li żammew ostaġġi fil-mużew.

Il-President tat-Tuneżija  Beji Caid Essebsi, qal li kien għad fadal terrorista li għad irid jinqabad.

 

 

More in Kronaka