
Man-nofs miljun telefonata fis-sena lejn 112
Il-Pulizija jniedu filmat biex iqajmu kuxjenza dwar in-numru tal-Emerġenza

More in Kronaka
Il-Pulizija jniedu filmat biex iqajmu kuxjenza dwar in-numru tal-Emerġenza
Il-11 ta’ Frar madwar l-Ewropa hija ġurnata ddedikata għan-numru 112 – in-numru tal-Emerġenza. Din id-data tikkommemora l-importanza ta’ dan is-servizz u ssir enfasi sabiex jintuża biss f’kazijiet t’emerġenza. In-numru 112 huwa n-numru, t’emerġenza fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, fost pajjiżi oħrajn. Dan is-servizz huwa bla ħlas. F’din il-ġurnata jitwassal l-mesaġġ lill-pubbliku sabiex l-abbuż minn dan in-numru ikompli jonqos. Fi statsitika annwali tas-sena 2014, jidher li kien hemm total ta’ ħames mitt elf telefonata li minnhom dawn kien hemm aktar minn tnejn u għoxrin elf telefonata li kienu wrong number, filwaqt li aktar minn sebat elef telefonata li kienu hoax calls, jiġifieri telefonati qarrieqa, jew foloz jew għalxejn b'xejn.
Telefonati fuq dan in-numru jistgħu jkunu kwistjoni ta’ ħajja jew mewt, u huwa għal dan il-għan li l-Pulizija qed tgħamel l-almu tagħha sabiex jitnaqqas l-abbuż u jitjieb is-servizz. Matul is-sena il-Korp tal-Pulizija, jagħmel promozzjoni sabiex dan is-servizz jintuża b’mod tajjeb u għal dan il-għan din is-sena ġie mniedi video clip ieħor li jidher fuq il-Facebook page kif ukoll fuq il-You Tube channel tal-Korp tal-Pulizija. Barra minn hekk isiru kampanji żgħar fuq il-mezzi tax-xandir. Dan sabiex il-pubbliku jifhem sew l-importanza ta’ dan in-numru u jagħraf jużah f’każijiet t’emerġenza biss.
Ta’ min isemmi li meta ċċempel 112 tkun qed taqbad mal-Command and Control Room ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Meta persuna ċċempel tiġi assistita mill-Pulizija, Protezzjoni Ċivili, id-Dipartiment tal-Ambulanzi jew il-Forzi Armati ta’ Malta. Dan skont in-natura tal-emerġenza.
Wieħed għandu jċempel 112 f’każijiet ġenwini t’emerġenza, meta l-ħajja, is-saħħa, il-propjetà ta’ xi ħadd jew l-ambjent jinstabu f’theddida serja jew ta’ periklu. Eżempji ta’ meta wieħed għandu jċempel 112 huma meta jkun hemm inċident stradali serju, jiġu nnutati nirien kbar jew jiġi innutat li xi ħadd daħal fi propjetà ta’ ħaddieħor.
Il-Pulizija qed tappella biex jiġu evitati telefonati għal xejn b'xejn fuq din il-linja minħabba li jaf itellfu ta' xkiel fuq telefonati ta' ħtieġa immedjata. Il-Pulizija tappella biex il-mobiles ma jitħallewx f'idejn tfal żgħar li ħafna drabi jċemplu għax jaqbdu jagħfsu bl-addoċċ.
Il-pubbliku huwa infurmat li jwieġeb għad-domandi li jiġu mistoqsija, jimxi mal-istruzzjonijiet mogħtija u jibqa’ fuq il-linja sakemm jiġi infurmat li jista’ jaqta’.