Anzjani abbandunati fl-isptar t'Għawdex

L-MUMN tirrapporta li ilha tistaqsi għal 22 carer għal dawn l-aħħar disa' xhur
 

Xi anzjani li hemm fl-isptar t'Għawdex qed jiġu abbandunati minħabba li m'hemmx biżżejjed carers. Dan intqal minn stqarrija li ntbagħtet lill-mezzi tax-xandir mill-MUMN, il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel iffirmata minn Paul Pace.

L-MUMN ilha titlob għal ħtieġa ta' 22 carer oħra għal dawn l-aħħar disa' xhur iżda m'hemmx min jaħdem u b'hekk l-anzjani qed jitħallew fis-sodod u mhux jitpoġġew f'xi pultruna biex jiċċaqalqu ftit.

Għalkemm dan il-Gvern ħadem biex impjega numru ta' carers fir-residenza San Vinċenz de Paule, m'għamilx l-istess għall-isptar t'Għawdex. B'detriment ghall-anzjani.

Anzjani, fl-isptar ġenerali t'Għawdex, b'mod speċjali fis-sezzjoni Sant' Anna ilhom fis-sodda għal dawn l-aħħar ġimgħat.

"Il-Kap Eżekuttiv jaf b'dan kollu u għalkemm ġew mogħtija fondi dan għalaq għajnejh għal din is-sofferenza li qed jgħaddu minna l-anzjani Maltin. L-MUMN tagħmel appell lill-Prim Ministru biex jaġixxi u jtemm ħesrem it-tbatija ta' dawn l-anzjani billi jhalli lill-carers Għawdxin li jaħdmu f'Malta biex jibdew jaħdmu fl-isptar t'Għawdex" temm jgħid Paul Pace fl-istqarrija għall-istampa.

More in Kronaka