Brincat qal li dan il-pjan irid jieħu inkonsiderazzjoni l-qagħda preżenti ta’ fejn hemm konċentrazzjoni ta’ siġar u l-isforzi li saru fir-rigward tal-afforestazzjoni f’Malta u Għawdex. Irid jidentifika wkoll l-azzjoni li trid tittieħed fuq medda ta’ żmien biex tħares u tħaddem is-siti preżenti, il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ msaġar ġodda u l-immaniġġjar tal-postijiet ideali. Il-pjan għandu jiżgura li l-proposti jkunu jaqblu mal-istrateġija nazzjonali tal-bijodiversità, jikkontribwixxi għall-azzjoni nazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u jipprovdi spazji ġodda għal postijiet rikreattivi informali li jwasslu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-komunità.
Is-Sur Brincat qal li l-Ministeru tiegħu se jeżamina r-rapport fuq livell konsultattiv u wara, l-proposti jgħaddihom għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern. Ir-rapport tal-Professur Cassar mistenni jitlesta sal-ewwel nofs ta’ Ottubru.