Tfulija instabbli ta’ Robin Williams

Minn Dr. John Borg,

Psikjatra

Robin Williams f’ħajtu kellu jagħmel żewġ programmi ta’ riabilitazzjoni
Robin Williams f’ħajtu kellu jagħmel żewġ programmi ta’ riabilitazzjoni

Is-suwiċidju jista’ jkun riżultat ta’ ħafna kawżi. L-iżjed komuni hu mard mentali bħal pereżempju dipressjoni, bipolar disorder, skizofrenija, problemi ta’ personalità u oħrajn. Abbuż minn sustanzi bħal alkoħol u droga jista’ jkun kawża oħra ta’ suwiċidju. Persuni b’vizzji bħal logħob ukoll għandhom rata ogħla ta’ suwiċidju fil-popolazzjoni inġenerali. 

Naturalment meta s-suwiċidju jiġri f’persuna famuża u ċelebri bħal l-attur Robin Williams, awtomatikament isir iżjed studju fil-fond u metikoluż x’seta’ wassal għal dan. 

F’dan il-każ, hu magħruf li Robin Williams kien isofri minn dipressjoni tul ħajtu kollha. Kellu wkoll problema ta’ dipendenza fuq ix-xorb u d-droga. Fil-fatt f’ħajtu kellu jagħmel żewġ programmi ta’ riabilitazzjoni. 

Jidher ukoll li kellu problemi fi tfulija; kien jibża’ ħafna minn missieru u ommu kienet tħallih għal ħin twil waħdu billi kienet taħdem. Fil-fatt hu trabba mas-sefturi tal-familja, għaldaqstant probabbli li fis-snin formattivi tiegħu qatt ma kellu l-ingredjenti neċessarji għal formazzjoni tal-karattru. Dan minkejja li fl-iskola kien jispikka ħafna L-instabbiltà baqgħet tidher fil-ħajja tiegħu privata; fil-fatt iżżewweġ tliet darbiet. Hu xjentifikament magħruf minn ħafna studji li saru li dak li jiġri fis-snin bikrin ta’ ħajjitna jaffetwa l-personalità tagħna meta nikbru, jiġifieri s-snin bikrin huma importanti ħafna. Sfortunatament jidher li dan ġara f’dan il-każ. 

Is-suwiċidju tiegħu bit-tgħalliq huwa tipiku ta’ suwiċidju fl-irġiel billi dawn ħafna drabi jużaw mezzi iżjed vjolenti minn dawk li jużaw in-nisa, eżempju tgħalliq jew użu ta’ armi. Mentri n-nisa għandhom iżjed tendenza li jużaw metodi inqas vjolenti bħal overdoses ta’ pilloli. 

Kulħadd jaf li l-partijiet li kien jaħdem dan l-attur kienu partijiet komiċi. Jista’ jkun dan kien mod ta’ kif hu kien jaħrab mir-realtà tal-ħajja: eskejpiżmu. Billi hu kien artist professjonali dan probabbli rrifletta fil-karriera tiegħu u bir-riżultat li hu sar sinonimu ma’ films komiċi.

Hu magħruf li l-attur fil-ħajja personali tiegħu kien iħoss ħafna għal nies żvantaġġjati u spiss kien jagħti għajnuna lil diversi kawżi umanitarji. Dan żgur kien aspett pożittiv fil-karattru tiegħu. 

Riflessjoni li għamilt jien hi li f’dawn l-aħħar snin il-mezzi tax-xandir dejjem qed iżidu l-enfasi fuq il-vjolenza ta’ madwarna. Nistaqsi: jista’ jkun li fl-isfond tal-problemi personali tiegħu u dipressjoni severa li kien ibati biha, din id-doża ta’ vjolenza dejjem tiżdied affetwatu u wasslitu biex jaqta’ qalbu mid-dinja?

Waqt li qed nikteb dan l-artiklu tħabbar li Williams kellu bidu tal-marda tal-Parkinsons Disease. Ta’ min jgħid li l-mard fiżiku wkoll jista’ jissuġġetta lil dak li jkun għal suwiċidju.

More in Kronaka