Titfaċċa l-karozza tal-vittma

It-tieni parti - Il-qtil ta’ Martin Muscat

Il-karozza ta’ Martin, misjuba fuq l-irdum
Il-karozza ta’ Martin, misjuba fuq l-irdum

Martin Muscat inqatel b’sitt tiri ta’ pistola nhar il-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 1992. Omiċidju ieħor li għalkemm l-investigaturi għall-ewwel kienu jemmnu li se jsolvuh, issa għaddew 22 sena u l-Pulizija għadhom fl-istess sitwazzjoni li bdew biha dakinhar.
Sa ftit ta’ snin ilu l-familja ta’ Martin kienet għadha tittama li l-kobba tinħall u l-qattiela tiegħu jinqabdu u ssir ġustizzja, imma issa li għaddew dawn is-snin kollha u ħadd ma qalilhom xejn, it-tama li ssir ġustizzja kważi għebet.

Tfaċċat il-karozza ta’ Martin
L-aħħar ġurnata li deher ħaj, Martin kien mar għax-xogħol normali. Dakinhar kellu jiltaqa’ ma’ xi ħadd imma dan l-appuntament ma kienx żammu. Jista’ jkun li l-aħħar persuni li setgħu raw lil Martin ħaj kienu dawk li kien hemm f’ħanut tal-merċa f’Ħad-Dingli bejn il-5.30pm u s-6.00pm tad-9 ta’ Ottubru 1992. Qabel mar jixtri kien għadda d-dar u staqsa lil martu jekk kellhiex bżonn xi ħaġa u qaltlu biex jixtri l-ħobż.
Martin kien daħal jixtri l-ħobż u wara deher dieħel fil-karozza tiegħu, Ford Cortina, u ħadd ma rah aktar ħaj. 
Meta Martin baqa’ ma rritornax id-dar, il-familja ħarġu jfittxuh fosthom fl-inħawi tal-irdum ta’ Ħad-Dingli. Dakinhar għaddew aktar minn darba minn quddiem il-kappella ta’ fuq l-irdumijiet u l-karozza ta’ Martin, Cortina, fl-ebda ħin ma kienet hemm. Iżda kmieni l-għada filgħodu nstabet ħdejn il-kappella.

Dwar dan il-fatt Nikol, missier Martin, kien qalli li kienu għamlu l-lejl kollu mingħajr waqfien ifittxu lil Martin u l-karozza u din ma kinitx hemm. Meta sebaħ reġgħu marru jfittxu u kien dak il-ħin li nnutaw li l-karozza ta’ Martin kienet hemm u quddiemha kien hemm karozza oħra ta’ kaċċatur. 
Nikol qal li probabbli l-karozza tpoġġiet ħdejn il-kappella mill-qattiel jew qattiela biex ifixklu lill-Pulizija biex dawn jikkonċentraw it-tfittxijiet tagħhom taħt dawk l-irdumijiet. Fil-fatt il-kadavru ta’ Martin instab madwar mil ’il bogħod.
Il-karozza nstabet miftuħa, iżda din ma kinitx xi sorpriża peress li ma kinitx tissakkar u Martin kien iħalli ċ-ċwievet taħt it-tapizzerija. Xi ħaġa li ftit nies kienu jafu li kien iħallihom hemm. Martin kien dejjem iħalli l-karozza ingranata fuq ir-reverse, iżda meta nstabet kienet ingranata fuq it-tieni gear. 
Meta dan l-aħħar erġajt tkellimt ma’ Nikol qalli li meta mar, kellem kaċċatur li kien qrib fejn instabet il-karozza ta’ ibnu u staqsieh kinitx hemm meta wasal fuq il-post. 
“Il-kaċċatur qalli li dik ftit ilu pparkjawha hemm u telqu b’karozza oħra.” Nikol qal li dan il-kaċċatur ma nnota xejn aktar, lanqas x’tip ta’ karozza li telqu biha. 

Martin Muscat, il-vittma li nqatel b’sitt tiri ta’ pistola fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli
Martin Muscat, il-vittma li nqatel b’sitt tiri ta’ pistola fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli

Min kellu l-interess li jelimina lil Martin?
Dan l-omiċidju ma kienx każ ta’ serq iżda min qatel lil Martin Muscat mar speċifikament biex joqtlu. Għad hemm diversi mistoqsijiet dwar dan il-qtil. Il-mottiv żgur ma kienx xi serqa għax oġġetti li nstabu fuq il-kadavru, bħal choker tad-deheb, imsielet u kartiera bil-flus fil-karozza jidher ċar li ma ntmissewx, allura għaliex kien hemm min kellu interess li jelimina lil Martin? 
Għaliex inqatel f’post fejn il-kadavru ma setax jidher mit-triq? Kien każ fejn Martin sar jaf xi ħaġa fuq xi ħadd? Rifes xi kallu ta’ xi ħadd li kieku kellu jitkellem kien se jimbarazza lil xi ħadd? Kien ta’ xkiel għal xi ħadd? 
Hemm min jemmen li l-pjan oriġinali tal-qattiela kien li Martin jittieħed fuq l-irdum bl-intenzjoni li jew jimbuttawh jew jiġi mhedded b’xi arma u jġiegħluh jaqbeż minn fuq l-irdum biex jingħata l-impressjoni li kien każ ta’ suwiċidju. Iżda Martin la ried imut u lanqas ħalla lil min jeħles minnu b’dan il-mod. 

Minn marki li nstabu fuq il-kadavru rriżulta li Martin kien issara mal-qattiela. Ipprova kif seta’ jiddefendi ruħu.
Martin kien raġel mibni u qatt ma ġie eskluż li wieħed mill-qattiela seta’ kien tal-istess statura tiegħu. Meta raw li l-pjan tagħhom kien se jfalli u akkost ta’ kollox riedu jeħilsu minnu, allura użaw l-arma u wieħed mill-aggressuri beda jispara. L-ewwel ma ntlaqat kien b’żewġ tiri f’koxxtu u tir ieħor fuq spalltu fejn x’aktarx li għolla jdejh meta ra l-arma ppuntata lejn rasu. Kif niżżel idu ntlaqat mit-tir fatali f’għonqu u kif dar x’aktarx li l-qattiel żvojta l-pistola b’żewġ tiri oħrajn f’dahru. 
L-arma li ntużat kienet pistola ta’ kalibru .22mm semi-awtomatika. 

Il-monument u ġardina żgħira li għamlu l-familja ta’ Martin fil-post fejn inqatel 22 sena ilu
Il-monument u ġardina żgħira li għamlu l-familja ta’ Martin fil-post fejn inqatel 22 sena ilu

Monument fuq l-irdum
Fil-post fejn instab il-kadavru ta’ Martin, il-familja Muscat ħolqu ġardina żgħira fuq l-irdum bħala memorja għalih. Fuq l-irħama hemm miktub “B’tifkira għażiża ta’ Martin Muscat li ġie maqtul f’dan il-post fid-9 ta’ Ottubru 1992 fl-età ta’ 25 sena.”
Għal snin sħaħ ix-xemgħa kienet tixgħel 24 siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa “biex Martin qatt ma jkun fid-dlam waħdu u abbandunat.”
Madwar il-lapida hemm ġardina żgħira bi ftit xtieli li l-familja ssejħilha proprju “il-ġardina ta’ Martin.”

Il-familja Muscat qalet li Martin tant kien maħbub li ġieli sabu bukketti tal-fjuri mingħand nies li lanqas jafu min huma. 
“Darba minnhom sabu karta ta’ Lm10 (€23) mitwija u mdaħħla fil-bieba żgħira li hemm fejn titpoġġa x-xemgħa,” kienet qaltli Anna.
Anke numru ta’ xemgħat u bukketti tal-fjuri li tpoġġew minn persuni mhux magħrufa. Il-familja Muscat xtaqet li tirringrazzja lil dawn in-nies li qatt ma ħallew xi nota u għalhekk qatt ma setgħu jirringrazzjawhom personalment.
Meta kont żort “il-ġardina ta’ Martin” flimkien ma’ Nikol, il-kwiet li kien hemm kien itarrax. Niftakar li Nikol deher imbikkem u l-memorji koroh reġgħu marru għal nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru meta nstab il-kadavru ta’ ibnu fl-art wiċċu ’l isfel.

X’qalet mart il-vittma
Diane, kif kienet qaltli hi stess, meta nqatel Martin kienet għadha żgħira u għalhekk reġgħet iżżewġet. Hija stqarret li jgħaddi kemm jgħaddi żmien qatt mhi se tneħħi lil Martin minn quddiem għajnejha. 
Diane kienet irrakkontatli li dakinhar Martin kien ġie mix-xogħol, qalilha biex tmur għand ommha għax kellu bżonn joħroġ. Qalilha li kellu jmur Ħaż-Żebbuġ għand dealer tal-karozzi. Diane tiftakar li anke fil-jiem ta’ qabel, is-Sibt u t-Tlieta, kien qalilha biex tmur għand ommha u wara jmur għaliha, iżda qatt ma ttardja aktar mit-8pm. 
Meta l-Ħamis, 9 ta’ Ottubru 1992 rat li kienu saru l-10.30pm u Martin ma tfaċċax, ċemplet lill-ġenituri tiegħu. 
Il-mara qaltli li kmieni l-għada filgħodu, għall-ħabta tal-5am, hi u missier Martin kienu marru Ħaż-Żebbuġ għand id-dealer jistaqsuh jekk kienx ra lil Martin, iżda dan qalilhom li ma kienx mar għandu l-ġurnata ta’ qabel. Għaldaqstant kienet talbet lil ħutha biex imorru jfittxu lejn Buġibba forsi jarawh.
Hija qalet li Martin dejjem xtaq li jkollu dgħajsa jew speedboat. Qaltilna li ommha riedet li tara l-ħolma tiegħu ssir realtà u kienet ħallsitlu d-depożitu fuq dgħajsa lil xi ħadd f’Burmarrad għalkemm jista’ jkun li kien il-Mosta. Dan kien fis-sajf ta’ qabel inqatel u qatt ma kien raha id-dgħajsa.
Fl-aħħar nett Diane qalet li Martin qatt ma għamel deni lil ħadd u l-unika ħaġa li tiftakar li seta’ kien hemm kien meta qarib ta’ Martin kien qalilha li “Martin bilfors li rifes xi kallu ta’ xi ħadd.”

“Ma nistax naħfer”
Mistoqsija li ssir spiss lill-qraba ta’ xi ħadd li jkun inqatel hija jekk dawn humiex lesti li jaħfru jekk jinstab jew jinstabu l-qattiela ta’ binhom.
Ir-risposta tal-missier kienet spontanja – “Naħfirlu le. Ma nistax naħfer. Li kieku serquli l-flus li kelli fuqi tgħid ejja issa naħdem ftit aktar u nġibhom il-flus jew parti minnhom. Jew serquni għax forsi kienu fil-bżonn. Dawn ħaduli lil ibni. Anke jekk jeħlu l-ħabs, il-qraba tagħhom, il-ġenituri tagħhom jistgħu jibqgħu jarawhom fil-ħabs. Fejn se naraw lil Martin aħna?”
Oħtu Maria qalet li iebsa ħafna biex taħfer lil xi ħadd li qatlilha mhux biss lil ħuha, iżda ħabib kbir. Martin kien l-ikbar ħabib li qatt kellha. Dejjem sabitu meta kellha bżonnu. Kien ikun qrib tagħha kemm f’mumenti ta’ dwejjaq kif ukoll f’mumenti sbieħ. 
“Vera li meta miet kelli biss 14-il sena u allura kont għadni tifla, iżda ħija dejjem irrispettani”, qaltli Maria.
Nikol iddeskriva lil ibnu Martin bħala tifel b’karattru ferm differenti mill-oħrajn. Martin kien l-ewwel tifel tal-familja Muscat allura kien dak li bih bdew familja ġdida. Kif spiċċa mill-iskola kien sab xogħol ma’ kumpanija privata bħala mastrudaxxa u wara daħal it-Tarzna bħala labourer.
Lil missieru kien jgħajjatlu “Sheriff” għax kien iżomm id-dixxiplina u għalkemm meta kien jirrabja xi ftit miegħu kien imur ifittex lil ommu, xorta waħda kien qrib ħafna ta’ missieru.

Jistrieħu biss meta jmutu
Minkejja li fid-9 ta’ Ottubru Martin ikun ilu li nqatel 22 sena, il-familja għadhom qed ifittxu li jsiru jafu għaliex inqatel.
“Jien u ommu qatt ma nistgħu nsibu l-mistrieħ. Se nistrieħu biss meta mmutu,” qalli Nikol Muscat b’għajnejh mimlijin dmugħ u b’bintu Maria tħares lejh b’dik il-ħarsa li għalkemm ma nislitx kelma, kellha l-istess ħsieb ta’ missierha.

Appell
Bħalma qed nagħmlu ma’ kull storja ta’ delitti mhux solvuti, qed nappellaw lil kull min jaf xi ħaġa dwar dan il-qtil biex jgħaddi kull informazzjoni lill-Pulizija billi jċempel fuq in-numri 119 jew 21224001.

More in Kronaka