Maltin jaħdmu f’bini perikoluż fil-Lussemburgu

Ikkonfermati traċċi tal-asbestos

Il-bini Jean Monnet fil-Lussemburgu jrid ikun evakwat sal-aħħar tal-2014
Il-bini Jean Monnet fil-Lussemburgu jrid ikun evakwat sal-aħħar tal-2014

Ftit tal-ġranet ilu l-ġurnal ILLUM ġie f’kuntatt ma’ traduttriċi li qed taħdem f’Lussemburgu mal-UE. Din il-persuna tkellmet dwar it-tħassib tagħha fuq il-bini Jean Monnet li qed taħdem fih hekk kif se jkollu jiġi evakwat minħabba traċċi tal-asbestos.

Bħal dejjem dan il-ġurnal mar f’ras il-għajn u kkuntattja lil sorsi uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea, li tagħha hija din il-binja. 

L-asbestos hu materjal li kien jintuża fil-bini fis-sebgħinijiet iżda li wara nstab li hu perikoluż minħabba li partijiet mikroskopiċi tiegħu joħorġu fl-arja u jagħmlu ħsara lin-nifs u l-pulmun tal-persuni esposti għalih.

Mill-2004 sal-2013 il-Kummissjoni kienet qed tagħmel eżamijiet regolari tal-kwalità tal-arja f’dan il-bini. Kien hemm ukoll assessjar indipendenti minn kumpanija esterna li evalwat ir-riskji li jista’ jkun hemm jekk dan il-post jibqa’ jiġi użat. Ir-rapport tal-analiżi kien disponibbli f’Jannar li għadda. 

Fi Frar, il-Viċi President tal-Kummissjoni, Mr Maroš Šefčovič wara laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Lussemburgiż Jean Asselborn waslu għall-konklużjoni li jevakwaw il-bini fil-futur qarib. 

Ġie maqbul li minħabba raġunijiet politiċi kien neċessarju li jkun hemm iktar elementi fattwali qabel ma jkomplu bl-evakwazzjoni wara li raw li ma kienx hemm xi periklu immedjat għall-ħaddiema. 

Sors mill-Kummissjoni qal lill-gazzetta ILLUM li ħassew il-bżonn li jagħmlu iktar laqgħat u organizzaw laqgħa oħra fit-18 ta’ Ġunju li għadda u fiha stiednu għadd ta’ esperti fl-asbestos u konsulenti.

F’din il-laqgħa ġie kkonfermat li fil-bini Jean Monnet, magħruf ukoll bħala JMO, kien hemm tassew traċċi tal-asbestos tan-natura PICAL, l-isem kummerċjali ta’ dan il-materjal. 

Hawnhekk immedjatament bdew jiġu kkunsidrati l-ispejjeż li kienet se tgħaddi minnhom il-Kummissjoni li kieku kellha talloka f’post ieħor il-ħaddiema kollha ta’ din il-binja. 

“Bħalissa, bħala Kummissjoni kellna żewġ każi ta’ persuni li kienu jaħdmu f’dan il-bini li qed ibatu minn marda b’relazzjoni mal-asbestos. Żewġ każi oħra għadhom jiġu eżaminati” qal l-uffiċjal tal-Kummissjoni.

Minħabba dawn il-każijiet, is-servizzi mediċi tal-Kummissjoni ta’ Brussell, il-Lussemburgu u Ispra irrakomandaw l-evakwazzjoni tal-JMO.

F’laqgħa oħra li saret bejn l-istess Jean Asselborn u Maroš Šefčovič fit-8 ta’ Lulju nħarġet stqarrija li l-binja JMO għandha tiġi evakwata sal-aħħar tal-2014. Din kienet segwita b’konferma mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Lulju.

Meta mistoqsija x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li għadhom jaħdmu f’dan il-bini s-sors qal lil din il-gazzetta li “Jidher li s’issa m’hemm l-ebda każ mediku relatat mal-asbestos.”

Is-sors rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea saħaq li “ħaddiema li qattgħu xi ftit snin jaħdmu fil-bini tal-JMO u jixtiequ li jagħmlu t-testijiet mediċi jistgħu jikkuntattjaw is-servizzi mediċi f’Lussemburgu u jsegwu l-istruzzjonijiet li għadhom ma ħarġux, però se joħorġu dalwaqt. Ħaddiema oħra li kienu jaħdmu fil-bini Jean Monnet u bħalissa qed jaħdmu bnadi oħra tal-Kummissjoni jistgħu jikkuntattjaw is-servizzi mediċi lokali tagħhom. L-ispejjeż għal dawn it-testijiet ikunu koperti mis-servizzi mediċi tal-Lussemburgu.”

More in Kronaka