Eks suldat saq fuq kuntistabbli

Raġel ta’ 54 sena minn Kerċem ingħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali wara li ċaħad li pprova jweġġa’ kuntistabbli tal-Pulizija billi saq għal fuqu bit-trakk tiegħu.

Gregory Stellini, li hu eks suldat, kien akkużat li hekk kif intemmet il-festa ta’ Kerċem nhar il-Ħadd li għadda, huwa pprova jgħaddi minn triq magħluqa.
Il-Kuntistabbli waqqfu biex ma jgħaddix, iżda minkejja l-ordnijiet tal-Pulizija, l-imputat baqa’ jargumenta. B’konsegwenza li dan il-pulizija tah ċitazzjoni.

Kien f’dan il-mument li Stellini allegatament saq minn fuq il-Pulizija.
L-Ispettur Bernard Spiteri tenna li l-akkużat kien saq minn fuq il-kuntistabbli apposta, u li ma kienx żball.
Stellini kien akkużat ukoll li saq b’mod traskurat, li weġġa’ kuntistabbli tal-Pulizija u m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri tagħtu l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €3,000 u ġie ordnat li jiffirma l-għassa tal-pulizija tar-Rabat Għawdex kull nhar ta’ Erbgħa.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Spiteri, filwaqt li Stellini kien assistiet mill-Avukat Deborah Mercieca.

More in Kronaka