"Il-Knisja għandha bżonn demm ġdid"

"Ma jimpurtax jekk ma nibqgħux reliġjon tal-massa" - l-Isqof Mario Grech

L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech
L-Isqof ta' Għawdex Mario Grech

Wara l-istejjer li dehru fil-gazzetta ILLUM nhar id-29 ta’ Ġunju u t-13 ta’ Lulju dwar it-tmexxija tal-Knisja f’Malta u d-dimotivazzjoni fost il-membri tal-kleru, issa jitkellem ukoll l-Isqof t’Għawdex Mario Grech. Fl-omelija tiegħu fil-Knisja Parrokjali ta’ San Lawrenz qal li meta d-demm jitlef is-sustanza tiegħu u jimrad, il-bniedem isir bla saħħa, jintelaq u jieħu bixra ta’ mewt; meta mbagħad ikun hemm trasfużjoni ta’ demm ġdid, il-bniedem jieħu s-saħħa, jikseb enerġija ġdida u jitwieled mill-ġdid.

Imma meta se niftħu għajnejna qabel ma jkun tard wisq biex nimplimentaw it-tiġdid meħtieġ? Mario Grech

“Imma meta se niftħu għajnejna qabel ma jkun tard wisq biex nimplimentaw it-tiġdid meħtieġ? Dan it-tiġdid jista’ jitlaq minn fuq, imma jaf isib reżistenza, naf x’qed ngħid, imma jista’ wkoll jitlaq minn isfel. Għalhekk ngħinu lil xulxin biex lil din il-Knisja ngħinuha tibqa’ żagħżugħa b’wiċċ frisk, anke fl-għażliet pastorali tagħha. Dan il-proċess ta’ tiġdid, minkejja li mhux faċli, neħtiġuh ilkoll kemm aħna – ibda minni, l-Isqof, u ninkludi lil kulħadd, speċjalment dawk li għandhom xi ministeru, ordnat jew mhux, u r-reliġjużi” qal Mario Grech.

L-Isqof Grech, li kien qed jitkellem fl-okkażjoni taż-żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz Martri, qal li dak li kien qed jgħid japplika kollu għall-ħajja tal-Knisja lokali u talab lil San Lawrenz jagħti qatra demm minn tiegħu biex jiġġedded demmna bħala komunità Nisranija.

Grech kompla jgħid li fil-Knisja lokali jara ċertu telqa, għeja u nuqqas ta’ ħajja – “ibda minni u ibqa’ nieżel sa isfel. Donnu fostna xi kultant titla’ riħa ta’ għeluq u ta’ mewt. Fil-fatt nistaqsi: X’differenza tagħmel il-fidi fil-ħajja personali u familjari tagħna? X’impatt qed tħalli l-Knisja fis-soċjetà ta’ żmienna?” staqsa l-Isqof. 
Grech kompla jgħid li xi drabi nagħtu d-dehra li ntlaqna mal-kurrent kulturali ta’ żminijietna, u flok ma ngħinu biex nindikaw direzzjoni, insibu ruħna ninġarru mal-mewġ tal-ħajja. Qal li hemm ir-riskju li jekk nibqgħu ma nagħtux kas, id-demm tagħna bħala Nsara mhux biss jibred, imma jkompli jitħassar.

“Nixtieq li jien żbaljat, imma nħoss li għandna bżonn demm ġdid fil-ħajja Nisranija. It-twemmin tagħna mhux xi oġġett tal-antik li wasal għandna mingħand il-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Nitqarrqu jekk it-twemmin Nisrani nirrenduh sempliċi tradizzjoni ta’ missirijietna” qal Grech.
Spjega li “Sfortunatament fostna għandna persuni li, għalkemm huma ftit, huma influwenti ħafna, li biex jikkonservaw it-tradizzjonijiet jaslu biex jissagrifikaw l-essenza tal-Evanġelju”. 
“Ma jimpurtax jekk ma nibqgħux reliġjon tal-massa. Kif f’Jannar li għadda kont fissirt lis-saċerdoti tagħna, neħtieġu komunitajiet żgħar li huma kreattivi. Nistaqsi fejn hi l-kreattività tagħna bħala komunitajiet ekkleżjali? Nosserva li spiss jiġri li aħna nikkuntentaw ruħna billi nirrepetu l-iskemi tal-imgħoddi, anki jekk dawn kienu maħsuba u proposti għal realtajiet li llum għebu għal kollox. Ma rridx inkun ġeneriku, imma qed ngħid dak li qed inħoss f’qalbi” qal l-Isqof Grech.

Żied jgħid, “Għinuni biex fil-Knisja tagħna jkollna demm ġdid. Ħafna drabi napplikaw l-enerġiji tagħna biex nipperpetwaw l-istorja, nesebixxu paramenti sagri l-ġmiel tagħhom u nżommu ħaj il-patrimonju artistiku tal-imgħoddi; imbagħad ftit nagħtu kas jekk il-mod kif niċċelebraw il-liturġija jkunx qiegħed jgħinna nidħlu fil-qalba tal-misteru. Għandna ċerti ċelebrazzjonijiet liturġiċi li aktar għandhom minn tat-teatru milli mill-esperjenza tas-sagru.”

More in Kronaka