Ċertifikati tat-twelid mingħajr fonts Maltin

James J. Piscopo

[email protected]

 

Il-moda li ġenituri jsemmu t-tfal tagħhom b’ismijiet Maltin donnha qed terġa’ taqbad rankatura. Iżda din ma kinitx raġuni biżżejjed biex id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku jdaħħal il-fonts Maltin. 

Din il-gazzetta tinsab infurmata li l-ġenituri li jsemmu t-tfal tagħhom b’ismijiet li għandhom bżonn ittri tal-alfabett Malti (fosthom ‘ż’ u ‘ċ’) baqgħu diżappuntati meta raw li fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, l-isem ma nkitibx kif kellu jinkiteb minħabba n-nuqqas ta’ dawn l-ittri.

B’hekk, ismijiet bħal Żeppi, Ġużè, Ġanni, Ċensu, Franġisk u Ġorġ fost oħrajn ma jistgħux jinkitbu kif suppost. 

Dan in-nuqqas ilu jeżisti għal diversi snin. Li kompjuter jibda jutilizza l-fonts tal-Malti ma tirrikjedix teknoloġija ġdida jew ħafna kumplikazzjonijiet. Tirrikjedi biss xogħol ta’ ftit minuti u ftit taħriġ lill-impjegati.

Din hija waħda mir-raġunijiet għalfejn l-użu tal-fonts bil-Malti nfirex u qed jiġi użat aktar. Iżda milli jidher dan ma japplikax għad-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku, li fost oħrajn joħroġ ċertifikati tat-twelid, ta’ mwiet u ta’ żwiġijiet.

Ġenituri affettwati li tkellmu ma’ din il-gazzetta esprimew il-frustrazzjoni tagħhom għal dan in-nuqqas. Qalu kif ma setgħux jifhmu kif nuqqas li faċilment seta’ jiġi indirizzat mingħajr problemi għadu jeżisti wara diversi snin.

More in Kronaka