Divorzju: 1,100 talba, 4 biss miċħuda

Kważi 180 talba għadha pendenti

Sal-aħħar ta’ Jannar li għadda ġew deċiżi 907 każi ta' divorzju
Sal-aħħar ta’ Jannar li għadda ġew deċiżi 907 każi ta' divorzju

Mill-1 t’Ottubru 2011 s’issa, saru kważi 1,100 talba għal divorzju fil-Qrati Ċivili.

Skont stħarriġ li għamlet din il-gazzetta jirriżulta li minn total ta’ 1,086 talba sal-aħħar ta’ Jannar li għadda, ġew deċiżi 907 li ntlaqgħu kważi kollha bl-eċċezzjoni ta’ erbgħa. 

Dawn jinkludu 60 talba ta’ rikors biex kawża ta’ separazzjoni li tkun għadha pendenti tinbidel għal waħda ta’ divorzju.

Skont il-liġi li tirregola d-divorzju, biex il-Qorti tal-Familja tilqa’ t-talba ta’ divorzju jridu jkunu sodisfatti ċertu kriterji, fosthom li l-miżżewġin ikunu għexu separatament mill-inqas għal erba’ snin matul l-aħħar ħames snin qabel ma ssir it-talba. 

Il-proċeduri jibdew fuq talba ta’ waħda mill-miżżewgin kontra l-persuna l-oħra.

Il-liġi tgħid li l-Qorti trid tkun sodisfatta li m’hemm l-ebda tama raġonevoli għal rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin. Kundizzjoni oħra tikkonċerna l-garanzija ta’ manteniment fejn dan hu applikabbli, iżda dan id-dritt għall-manteniment jista’ jiġi irrinunzjat mill-partijiet f’kull żmien.

L-akbar ammont ta’ talbiet għad-divorzju saru fl-ewwel tliet xhur minn mindu daħlet il-liġi. Infatti bejn Ottubru u Diċembru 2011, kienu saru xejn inqas minn 222 kawża. L-ammont kompla jikber matul l-2012 għal 442, filwaqt li naqas matul is-sena l-oħra b’340 talba. F’Jannar li għadda, saru 23 kawża li l-ebda minnhom ma kienu deċiżi sa ftit jiem ilu. 

Huma tnejn l-imħallfin li jiddeċiedu dawn il-kawżi, l-Imħallef Abigail Lofaro u l-Imħallef Robert Mangion. 

B’kollox, il-Qorti Ċivili (sezzjoni tal-familja) għad għandha quddiemha kważi 180 talba pendenti, li l-maġġoranza kienu reġistrati s-sena l-oħra.

Id-divorzju daħal fis-seħħ f’Malta fl-1 t’Ottubru 2011 wara referendum jaħraq f’Mejju tal-istess sena. Qabel, il-liġi Maltija kienet tirrikonoxxi divorzji li jkunu ngħataw minn Qrati barranin, iżda minkejja dan il-Qrati Maltin ma setgħux jamministraw huma l-ogħti tad-divorzju. Dan kien qajjem il-mistoqsija jekk id-divorzju kinitx kwistjoni ta’ privileġġ peress li min kien jiflaħ iħallas kien iġibu minn barra u dawk li ma setgħux kellhom jibqgħu mingħajru. 

Dan wassal biex f’Lulju 2010, id-deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando ressaq Private Members Bill biex tiġi diskussa l-introduzzjoni tad-divorzju.

Madankollu din ma kinitx l-ewwel darba li ġara hekk, wara li d-deputat Laburista Joe Brincat kien ressaq Private Members Bill fl-1996 iżda qatt ma telgħet fl-aġenda tal-Parlament.

Minkejja li kien sejjaħ għal referendum, u r-riżultat kien wieħed ċar ta’ vot favur, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi xorta kien ivvota kontra fil-Parlament. Il-vot fil-Parlament kien għadda b’52 vot favur, 11 kontra u 5 astensjonijiet.

More in Kronaka