Il-maġġoranza kuntenti wara t-tluq tal-Arriva

Il-maġġoranza ta’ dawk li pparteċipaw fi stħarriġ mhux xjentifiku tal-MaltaToday jaħsbu li t-tluq tal-Arriva ma ħalliex impatt negattiv fuq it-trasport pubbliku, anzi hemm min jaħseb li mar ’il quddiem.

Mistoqsija kif jevalwaw is-servizz tat-trasport pubbliku wara t-tluq tal-Arriva, 38% qalu li s-servizz mar għall-aħjar. Huma jaħsbu li minn mindu l-gvern ħa f’idejh dan is-servizz, il-karozzi tal-linja qed ikunu aktar fil-ħin u qed jużaw aktar dan it-trasport pubbliku. 

35% qalu li ma ħassewx tibdil sinjifikanti fil-livell tas-servizz, filwaqt li 28% qalu li s-servizz mar għall-agħar minn mindu l-gvern ħa post l-Arriva sakemm jinstab operatur ġdid.

L-Arriva laħqet ftehim mal-Gvern Malti fi tmiem is-sena li għaddiet biex ittemm l-operat tagħha li kien qed jiġġenera telf. Il-gvern ma wiritx is-70 miljun Ewro dejn tal-kumpanija. Minflok, waqqaf il-Malta Public Transport Services b’allokazzjoni ta’ €8.5 miljun, biex b’mod temporanju tmexxi s-servizz hi sakemm aktar tard din is-sena jintgħażel operatur ġdid.

More in Kronaka