Id-dipenalizzazzjoni tad-drogi f’pajjiżna

"Il-ħabs qatt ma kienet is-soluzzjoni"

“Iżda x’se jiġri mit-traffikant? Mill-brimba li taqbad il-vittmi fl-għanqbuta tagħha?” – Matthew Agius, President MŻPN
“Iżda x’se jiġri mit-traffikant? Mill-brimba li taqbad il-vittmi fl-għanqbuta tagħha?” – Matthew Agius, President MŻPN

Fil-ġimgħa li għadha kif għaddiet, is-suġġett fuq fomm kulħadd kien il-white paper dwar ir-Riforma tad-Drogi ta’ Abbuż. 

Id-drogi illegali jikkawżaw problemi fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi u soċjali u għalhekk il-Gvern qal li se jimmira li jipprovdi kampanji aħjar ta’ għarfien. Il-Gvern qed jagħmilha ċara li ebda wieħed mis-suġġerimenti fil-white paper m’għandu jkun interpretat bħallikieku dan il-Gvern huwa favur l-użu ta’ drogi illegali. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, waqt il-programm Reporter nhar it-Tnejn li għadda, immexxi minn Saviour Balzan, saħaq li din ir-riforma hija dwar id-dipenalizzazzjoni tad-drogi u mhux id-dikriminilizzazzjoni. 

Il-white paper tipproponi li l-enfasi m’għandhiex tibqa’ fuq il-kastig iżda fuq rijabilitazzjoni u kura. Hemm bżonn bidla fil-pieni li jingħataw lill-vittmi u li tiddaħħal proporzjonalità fl-għoti tas-sentenzi.

Dr Bonnici, f’konferenza stampa wara li nħarġet il-white paper, qal li ilu s-snin isir appell biex il-vittma ġenwina ma titkissirx bil-ħabs iżda tingħata l-għajnuna adegwata li għandha bżonn sabiex joħroġ mill-vizzju.

B’dan il-għan se tkun qed tiħrax il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga permezz tal-ħolqien ta’ Asset Management Bureau li jara li jkun hawn immaniġġjar tal-assi fejn il-qliegħ mill-kriminalità jiġi rkuprat mill-Gvern.

Bonnici saħaq li l-Gvern jixtieq jisma’ l-fehmiet tal-pubbliku u l-istakeholders ewlenin dwar dak espress f’din il-white paper. Mill-banda l-oħra l-ġurnal ILLUM talab l-opinjoni ta’ George Busuttil li huwa d-Direttur tal-Organizzazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl fejn saħaq li l-ħabs ħafna drabi ma jkunx is-soluzzjoni meħtieġa. ILLUM ried ikun jaf ukoll l-opinjonijiet taż-żgħażagħ Maltin, b’hekk talab il-kummenti ta’ Alex Saliba, il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL) fejn qal li dan hu pass ’il quddiem biex Malta tagħmel kuraġġ u tinqala’ mill-istatus quo. Ikkummenta wkoll Matthew Agius, il-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, fejn wera x-xettiċiżmu tiegħu dwar din il-white paper.  

Il-Gvern beħsiebu jressaq l-abbozz finali għal din ir-riforma fil-liġi Maltija qabel it-tmiem tas-sena 2014.

George Busuttil

Id-Direttur tal-Organizzazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl

“Il-ħabs qatt ma kien is-soluzzjoni”

“L-ewwel reazzjoni tagħna bħala Mid-Dlam għad-Dawl għal din il-white paper hija waħda pożittiva. Naraw passi kbar ’il quddiem fejn jidħol it-trattament lil persuni maqbuda fil-vizzju tad-droga. Naturalment, minħabba li din inħarġet din il-ġimgħa, għad irridu niddiskutu bejnietna l-kontenut kollu u mbagħad ngħaddu l-fehmiet u s-suġġerimenti tagħna.”

Mistoqsi dwar x’jaħseb dwar il-pieni f’Malta hu qal li “f’ħafna każijiet pieni ta’ ħabs, mhux biss għal reati konnessi mad-droga, ma jħallux l-effett li ħafna jaħsbu li sentenza ta’ ħabs għandha tħalli. Li taqfel persuna għal tul ta’ żmien mingħajr ma tagħtih l-għajnuna li għandu bżonn mill-ewwel ġurnata sa l-aħħar waħda jfisser biss ħela ta’ ħin.”

Malta meta kkumparata ma’ pajjiżi Ewropej għandha pieni iktar ħorox. Iżda mbagħad, meta mqabbla ma’ pajjiżi bħal Singapore l-pieni tagħna mhumiex daqstant ħorox. Busuttil wieġeb “Aħna qegħdin fl-Ewropa u jekk se nqabblu għandna nqabblu ma’ pajjiżi Ewropej. Nerġa’ ngħid mhux kemm tkun twila s-sentenza tgħodd iżda xi jsir mal-persuna waqt dik is-sentenza. Jista’ jkollok sentenza ta’ sena li tħalli l-frott aktar minn sentenza ta’ għaxar snin. Barra minn hekk ma rridux ninsew il-ħsara li ssir lil persuna meta din tiġi istituzzjonalizzata wara snin il-ħabs u li wara jkollha ftit tama li terġa’ lura fis-soċjetà bħala persuna produttiva.”

L-opinjoni ta’ Busuttil dwar il-ħabs u l-persuni li jiskontaw sentenza fil-ħabs hija waħda b’saħħitha. “Il-ħabs qatt ma kien u qajla se jkun soluzzjoni u dan mhux biss għal dawk li qegħdin hemm minħabba każijiet tad-droga. Għad irid isir ħafna xogħol. Persuna li tidħol il-ħabs trid tiġi mgħejuna tagħraf il-problemi li wassluha s’hemm u ssib ġewwa fiha dak kollu li jista’ jegħleb dawn il-problemi. Għalkemm nafu li l-bidla trid isseħħ fil-qalb ta’ dak li jkun, din ma sseħħx jekk mhux bl-għajnuna ta’ dawk li jkunu qegħdin jindukrawh.”

Matthew Agius

President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista

“Għalfejn il-white paper ma tispeċifikax miżuri konkreti li se jittieħdu kontra l-barunijiet tad-droga?”

“Ir-realtà dwar id-droga llum hija differenti milli wieħed jimmaġina, b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ. Iċ-ċifri inkwetanti li jissemmew huma fl-aħħar mill-aħħar persuni bħali u bħalek, mhumiex biss numru. Iżda dan huwa evidenza ċara tar-realtà tal-aċċessibbiltà u l-firxa tad-droga - għal suq b’saħħtu li għandu f’idejh illum it-traffikant.

Hemm bżonn viżjoni ċara għal din il-weġgħa soċjali li hija ikbar milli wieħed jaħsibha u li l-qrati mhumiex neċessarjament l-unika soluzzjoni tagħha. Il-persuna li taqa’ għall-użu personali tad-droga, tammettix jew le, hija vittma u għalhekk għandha tingħata l-opportunità tal-għajnuna u mhux tingħata f’idejn il-qrati bil-konsegwenzi kollha li jġibu. Il-livell u tip ta’ għajnuna għandha tkun f’idejn nies esperti u kompetenti li jridu l-ġid lill-vittma. L-argument mhuwiex biss ta’ jekk tintbagħatx il-ħabs jew le, imma dwar jekk persuna, minflok tingħata ċans tibni l-ħajja tagħha lil hinn mill-pressjonijiet li wassluha għal dak l-użu, tispiċċa tirċievi timbru li jwassal għal diffikultajiet akbar biex timxi ’l quddiem u tibda l-ħajja li jixirqilha. Kif jista’ wieħed joħroġ mill-vizzju, jkompli jistudja, jsib impjieg u jibni familja bit-timbru li dan huwa ‘drugat’? Dan huwa vittma u mhux kriminal. Ejja ngħinuh joħroġ mill-problema u mhux jispiċċa problema ikbar għalih, għal familtu, għas-soċjetà u fuq kollox għal ħajtu.

Min-naħa l-oħra konkretament x’qed tgħid il-white paper dwar it-traffikant? Jiġifieri, dwar il-brimba u mhux dak li nqabad fl-għanqbuta? Fejn hi n-‘No Tolerance’ għat-traffikant? Għalfejn il-white paper ma tispeċifikax miżuri konkreti li se jittieħdu biex jiżdiedu r-riżorsi u l-impenn fil-ġlieda kontra l-barunijiet tad-droga? Se tiżdied l-applikazzjoni tal-pieni fuq it-traffikanti? Għalfejn mhijiex ċara fil-white paper? X’miżuri tanġibbli hemm biex nevitaw li l-fatt li t-traffikant ta’ kull tip ta’ droga (inkluż tal-ħaxixa li skont il-white paper xorta hija illegali) jispiċċa jgawdi minn dak li hu propost fil-liġi? Is-suq jista’ jiġi iżjed penetrabbli milli diġà hu għaliex f’dan kollu li qed jingħad xorta waħda l-proviżjoni tad-droga qed tiġi mingħand barunijiet tat-traffikar - u l-white paper ma ħasbet xejn fuq dan. Anke fil-każ tal-ħaxixa, dak li nqabad b’joint għal darba tnejn, min qed ifornih xorta huwa traffikant illegali li s-soċjetà mhi tieħu xejn ħlief danni għall-qliegħ li qed jagħmel. Mhuwiex ċar lanqas kif se jiġi deċiż x’inhu użu personali li fin-nuqqas ta’ dan jista’ jħalli lok għal lakuni biex traffikanti joħorġu mill-akkużi.

Ma nifhimx allura kif marbut mal-prinċipju dwar li persuna b’użu personali hija vittma u għandha tiġi trattata ta’ tali, m’hemmx il-messaġġ qawwi u konkret li lit-traffikant se nsallbuh bid-doppju tal-piż li hu ma ddejjaq xejn ikisser lil ħaddieħor bih biex iħaxxen butu minn fuqu.

L-MŻPN se jkun minn ta’ quddiem f’din id-diskussjoni biex mhux biss jitkellem imma jisma’. Din id-diskussjoni għandha teħodna lil hinn mill-punti politiċi ma’ sezzjoni jew oħra tas-soċjetà u tiffoka biss fuq li tiddefendi lil vittma u twaqqaf lit-traffikant.”

Alex Saliba

President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti

“Se nerġgħu nagħtu tama ġdida lil min waqa’ f’dan il-vizzju”

“Nemmen li l-pubblikazzjoni tal-white paper dwar id-dipenalizzazzjoni tad-droga kien pass ieħor kuraġġuż li ħa dan il-Gvern, pass li reġa’ wera biċ-ċar li mhux se nkunu qed nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet li nemmnu li huma ta’ ġid għall-komunità tagħna. Nemmen bis-sħiħ li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex inkomplu niġġieldu l-pjaga soċjali tal-abbuż minn sustanzi illeċiti f’pajjiżna. Spiċċa ż-żmien li nħallu l-istatus quo jibqa’ jsaltan minħabba l-biża’ li kapaċi niġu kkritikati.

Nemmen li b’dan il-pass il-Gvern mhux talli mhux se jkun qed iċedi l-armi fil-ġlieda tiegħu kontra d-drogi iżda se jkun qed juża arma ferm u ferm aktar b’saħħitha sabiex jiġġieled bil-qawwa kollha din il-problema. Kemm se ndumu naraw vittmi ġenwini li waqgħu fix-xibka ta’ dan il-vizzju jiġu kkalzrati minflok jingħataw għajnuna? Kemm se ndumu naraw lill-barunijiet tad-droga jiġġerrew barra filwaqt li l-vittmi li jkunu qed jisfruttaw jispiċċaw jinqaflu f’ċella minflok jingħataw l-għajnuna meħtieġa?

Ma jagħmilx sens li min jinqabad b’pussess sempliċi tad-droga jispiċċa jintefa’ l-ħabs u jċappas għal għomru l-kondotta tiegħu. Nemmen li se nkunu qed jimplimentaw ġustizzja soċjali ferm aktar b’saħħitha ma’ min ikun waqa’ f’dan il-vizzju hekk kif bil-ħolqien ta’ Bord Soċjali li fi ħdanu se jiġu riferuti każijiet ta’ pussess sempliċi ta’ drogi oħrajn (minbarra l-kannabis) dawn il-vittmi se jkunu qed jingħataw attenzjoni individwali u għajnuna speċjali sabiex joħorġu mix-xibka tal-abbuż.

L-istess white paper se tkun qed isaħħaħ ukoll l-effiċjenza tal-programmi ta’ rijabilitazzjoni hekk kif sal-lum il-ġurnata ma kienet teżisti l-ebda liġi li tara li l-programm jitlesta. L-aktar punt li laqatni minn din il-white paper jibqa’ l-ħolqien tal-Assett Management Bureau, fond li fih se jmorru l-flus tal-barunijiet u t-traffikanti sabiex b’hekk ikompli jsir investiment dirett fil-ġlieda kontra d-drogi.

Nemmen li s’issa bħala pajjiż fallejna fil-ġlieda tagħna kontra dan il-kankru soċjali u għalhekk b’dawn il-proposti se nkunu qed nieħdu opportunità oħra sabiex nerġgħu nagħtu tama ġdida lil min waqa’ f’dan il-vizzju u kif wkoll lill-familjari tal-vittmi li jgħaddu mill-istess kalvarju li jkunu għaddejjin minnu l-qraba tagħhom.”

More in Kronaka