Ir-riżoluzzjonijiet għas-sena 2014

Bdejna sena ġdida u min għadu għaddej biċ-ċelebrazzjonijiet, oħrajn jinsabu fuq xi btala barra minn Malta u min beħsiebu jibda xi forma ta’ dieta ħalli jpatti għall-ammont ta’ ikel u ħelu li kkonsma matul il-festi. Iżda għal uħud, sena ġdida tfisser opportunità sabiex jagħmel xi riżoluzzjonijiet partikolari. Din il-gazzetta tkellmet dwar dan ma’ numru ta’ individwi u personalitajiet minn oqsma varji. Dawn kienu l-mistoqsijiet: Temmen fir-riżoluzzjonijiet u għaliex? X’inhuma r-riżoluzzjonijiet tiegħek għas-sena 2014? Kieku jkollok tbiddel xi ħaġa mis-sena 2013, xi tkun?

Robert Musumeci – Perit u opinjonista

Il-Perit Robert Musumeci qal li jemmen fir-riżoluzzjonijiet. “Ħajti ddur ma miri li nkun irrid nilħaq. Allura fil-bidu tas-sena nieħu l-okkażjoni sabiex nidentifika b’mod ċar fejn inkun nixtieq nasal għaliex tista’ tippjana b’mod aktar sistematiku.”

Hu qal li “fis-sena 2014 nixtieq inżomm aktar kompost f’ċirkostanzi fejn inkun rinfaċċat mill-kuntrarju. Ħafna drabi meta nkun konvint li jkolli raġun, ma nismax biżżejjed lil ħaddieħor u nispiċċa naġixxi b’mod mhux daqstant sottili. B’hekk ir-riżultati jistgħu jkunu ferm aħjar.”

Dwar jixtieqx ibiddel xi ħaġa mis-sena 2013, Musumeci qal li “nixtieq li smajt aktar u waqaft aktar biex nosserva.”

Marlene Farrugia – Deputat tal-Partit Laburista

Id-Deputata Laburista Marlene Farrugia qalet li temmen fir-riżoluzzjonijiet. “Nemmen għaliex tajjeb li jkollna l-ħila li nirrikonoxxu fejn nistgħu nkunu aħjar, kif nistgħu nkunu aħjar u nnisslu biżżejjed ambizzjoni biex nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna.

Ir-riżoluzzjonijiet tagħha għas-sena 2014 huma li “nieħu ħsieb saħħti aktar u nqatta’ aktar ħin ta’ kwalità man-nies qrib tiegħi.”

“Kieku nista’ nwaqqaf il-gwerra tas-Sirja u l-gwerer l-oħrajn kollha u nreġġa’ lura l-atroċitajiet li jsiru kullimkien kuljum speċjalment fuq nisa u tfal. Fuq livell personali ma nbiddel xejn ħlief li niekol inqas.”

Veronique Dalli – Avukat

“Aktar milli riżoluzzjonijet, huwa aktar realistiku li jkolli miri biex nilħaq kisbiet differenti fid-diversi rwoli li bħal ħafna nisa oħra professjonisti wara kollox, nipprova nlaħħaq, bejn il-familja, il-professjoni u l-impenji li nkun ikkommettejt ruħi li nagħmel. Naħseb li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar tirrealizza illi riżoluzzjonijiet ta’ bidla drastika ma jaħdmux iżda bħal kollox fil-ħajja, il-proċessi naturali ta’ bidla kemm fil-ħsieb u kemm fil-ħidma huma aktar prattiċi u realistiċi.

Il-miri tiegħi din is-sena hi li nerġa’ ndaħħal rutina ta’ eżerċizzju li abbundunajt fl-aħħar sena. Jekk nilħaq dik, inkun għamilt xi ħaġa ta’ benefiċċju kemm għalija u forsi anke għal dawk ta’ madwari. Mill-bqija napprezza u ngħożż kull mument tal-ħajja, il-pożittiv u forsi anke dak li mhux daqshekk pożittiv għax kull esperjenza fiha s-sabiħ tagħha.

Is-sena 2013 ġabet bidliet f’ħajti. Tlift waħda mill-akbar ħbieb għeżież tiegħi, li qatt ma emmint illi kienet ser titlef il-ġlieda tagħha għall-ħajja jew li t-tmiem tagħha kien daqshekk viċin. Il-kliem tagħha però tani perspettiva differenti lejn il-ħajja u dak kollu li jagħmel parti minnha. Professjonalment, wara l-elezzjoni u wara li Josè Herrera ngħata kariga ministerjali, kien hemm sfidi ġodda fl-uffiċċju legali li ssarrfu f’esperjenzi mill-aktar pożittivi. Fil-familja mbagħad sirt zija għall-ewwel darba u t-tifla tiegħi Maya għamlet l-ewwel esperjenza tagħha waħedha f’’campus’ barrani li wkoll ssarrfet f’episodju l-aktar pożittiv li ftit jew wisq ħariġha mill-qoxra. Wara kollox ma jidhirli li nbiddel xejn.”

Roberto Francalanza – Preżentatur u Kap tar-Riżorsi Umani, ONE

“M'iniex il-bniedem li nemmen fir-riżoluzzjonijiet tal-bidu tas-sena! Iktar nemmen f’miri li nkun irrid nikkalkulhom u pass wara pass kuljum, nilħaq l-għanijiet u r-riżoluzzjonijiet li nkun immirajt għalihom. 

Fuq bażi personali nixtieq nimmira li din is-sena nsiefer iktar. Is-safar minnu nnifsu jkabbrek u jsaħħrek. Żgur mhux forsi, se nagħti kull kontribut jew kull għajnuna meħtieġa lil eks Prim Ministru Malti Alfred Sant fil-kandidatura tiegħu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew matul din is-sena. Fuq bażi ta’ xogħol inkompli minn fejn ħallejna s-sena li għadha kif intemmet, b’aktar miri speċifiċi biex inkomplu nsaħħu l-aqwa Riżors Uman li għandna kif ukoll inizjattivi ġodda biex nimxu aktar ‘il quddiem. Għalkemm kienet sena impenjattiva ħafna, kienet sabiħa wisq biex inbiddel xi ħaġa minnha.

Dun Brendan Mark Gatt – Saċerdot u riċerkatur fil-liġi kanonika

Dwar jekk jemminx fir-riżoluzzjonijiet wieġeb hekk: “Diffiċli din! Mill-banda waħda nifhem is-sentiment warajhom, u napprezza l-fatt li ħafna nies jagħmluhom, u jirnexxilhom iżommuhom, imqar għal ftit ġimgħat, jew saħansitra għal xhur sħaħ. Iżda l-esperjenza tiegħi meta provajthom spiss kienet karatterizzata mill-frażi “Mill-Milied sa San Stiefnu” u allura ma tantx nagħmilhom għax ma tantx inżommhom! Iżda jkolli nistqarr ukoll li kien hemm riżoluzzjonijiet li għamilt fl-imgħoddi (iżda li ma rbatthomx mal-bidu ta’ sena ġdida) li żammejthom. Ftit snin ilu, pereżempju, kont bdejt dieta f’Lulju u temmejtha b’suċċess wara ftit inqas minn sena! 

Naħseb li fuq livell ta’ saħħa għandi bżonn nerġa’ nibda’ d-dieta jew għallinqas noqgħod iktar attent biex nilħaq bilanċ aħjar bejn xogħol, eżerċizzju u l-ikel li tant inħobb! Fuq livell professjonali, imbagħad, nittama (u rrid) li ntemm it-teżi dottorali. 

Ħaġa waħda imma kbira: it-tqassim tal-ħin. Kont nipprova nagħti iktar importanza lil dak li hu essenzjali f’ħajti bħala qassis (it-talb u l-ħidma primarja tiegħi fl-istudju, pereżempju) u nnaqqas dawk l-affarijiet li ma jkunux daqshekk importanti iżda li meta taċċettahom taħseb li huma urġenti ħafna. Bħalma spiss jgħiduli, għandi bżonn nitgħallem ngħid “le”. Forsi nista’ nżidha mar-riżoluzzjonijiet tal-2014!”

Kristy Debono – Deputat tal-Partit Nazzjonalista

Kristy Debono qalet li aktar milli temmen fir-riżoluzzjonijiet, temmen fi pjanijiet fit-tul. “Dejjem nipprova naġixxi skont il-pjani li nkun fassalt irrelevanti miż-żmien tas-sena, minflok immur għal pjanijiet radikali fil-bidu tas-sena. Però per prinċipju li wieħed jagħmel riżoluzzjoni jew jipprova jidħol għal pjan jew sfida biex itejjeb il-ħajja tiegħu hija xi ħaġa pożittiva.”

Debono spjegat ukoll x’inhuma r-riżoluzzjonijiet tagħha għas-sena 2014. “Bħala riżoluzzjonijiet m’għamiltx però l-pjan tiegħi hu li nkompli naħdem kemm fuq livell parlamentari kif ukoll fuq livell ta’ kostitwenza u distrettwali. Irrid inkompli naħdem biex inkun aktar preżenti fost in-nies u nisma’ l-ilmenti u l-weġgħat tagħhom. Nemmen li jeħtieġ li nkunu ferm aktar viċin in-nies sabiex inħaddnu politika li tkun tirrifletti l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Apparti minn hekk, qed nippjana wkoll li nissokta l-ħidma ekonomika tiegħi b’aċċenn partikolari fuq il-ħaddiema u n-negozji żgħar u medji, kif ukoll fuq livell personali li nipprova nżomm bilanċ aħjar bejn il-ħidma tiegħi parlamentari, ix-xogħol tiegħi u l-familja.”

Hi qalet li waħda mill-affarjiet li kieku tista’ tbiddel hi r-riżultat elettorali tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu li għadda. “Però, dan għandu jkun inċentiv biex bħala Partit inkomplu naħdmu aktar biex nirriflettu dak li jrid il-poplu Malti u Għawdxi, sabiex niksbu riżultati aħjar l-ewwel fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u finalment riżultat pożittiv fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.”

More in Kronaka