Is-subway mudlama, mimlija tajn u graffitti

Ir-rotta tal-ġurnalist iżżur is-subway ta' taħt il-bypass ta' Sta Venera

Rotta qasira din id-darba, u mnalla. Taħt il-bypass ta’ Santa Venera ssib subway li tagħti aċċess sigur bejn il-periferija ta’ Ħal Qormi, u l-bidu ta’ Santa Venera u l-Ħamrun. Skont riċerka li għamilna, din ma taqa’ taħt l-ebda kunsill lokali iżda ta’ Transport Malta.

Subway li kif tidħol minnha tilqak bil-ħdura ta’ siġar li hemm, iżda ma’ żewġ passi oħra tara tip ta’ ħdura differenti mal-ħitan. Tpinġijiet u taħżiż mal-ħajt li ilhom hemm numru kbir ta’ snin, u li minflok tneħħew, żdiedu.

Filwaqt li f’xi nħawi ċerti graffiti jistgħu jitqiesu bħala arti, żgur li dan ma japplikax għal dak li ssib f’din is-subway. Kliem baxx fosthom ‘Sex ġo toqba’ jiddomina nofs is-subway.

L-abbuż u l-vandaliżmu f’dan is-subway huwa ‘mgħejjun’ minħabba n-nuqqas ta’ dawl. Minkejja li s-subway hija twila diversi metri, kulma stajna nsibu kienu fdalijiet ta’ tubu li ovvjament kien imkisser. F’postijiet oħra ssib dawl mdawwar bil-ħadid ħalli dawn ma jinkisrux wara jumejn.

Filwaqt li sa xhur ilu fl-istess post kien komuni li ssib siringi ta’ droga u kondoms użati mormija bl-addoċċ, fir-rotta tagħna ma sibniex dan. Iżda żibel ieħor u ħmieġ tal-klieb kien hemm.

Madankollu problema kbira li għandha din is-subway hi li żżomm l-ilma għal diversi jiem. Wara xita kbira, saħansitra tkun kważi impossibli li tgħaddi b’ilma qiegħed ilaħħaq anke mal-10ċm. Meta tkun furtunat u tgħaddi wara xi jiem mingħajr xita, xorta se ssib ilma u tajn li trid toqgħod attent minn fejn tgħaddi. 

More in Kronaka