Għassa tal-pulizija fis-Swieqi sal-aħħar tax-xahar

Madwar 30 karozza spiċċaw miżbugħa bi sprej iswed
Madwar 30 karozza spiċċaw miżbugħa bi sprej iswed

L-ilmenti kontinwi tar-residenti mis-Swieqi fl-aħħar se jingħataw widen hekk kif fi ftit ġimgħat il-lokalità se jkollha għassa tal-pulizija miftuħa l-ħin kollu.

Kelliem għal Ministeru tal-Intern ikkonferma ma’ din il-gazzetta li l-għassa se tibda tiffunzjona fi żmien qasir u kkommettiet ruħha li dan se jiġri sal-aħħar tax-xahar. Mistoqsija kemm il-uffiċjal tal-pulizija se jkun hemm fl-għassa hi qalet li dawn id-dettalji u informazzjoni oħra dwar kif se topera għadhom qed jiġu ffinalizzati.
L-għassa se tkun qed tiftaħ fiċ-ċentru ċiviku tal-lokal, li kien inawgurat mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi jiem qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-kelliema qalet li kulma fadal biex tinfetaħ hija l-installazzjoni tas-sistema tal-IT.
Oriġinarjament, ir-responsabbiltà tas-Swieqi kienet taqa’ taħt l-għassa tal-pulizija ta’ San Ġiljan, li kienet responsabbli wkoll minn inħawi oħra fosthom Pembroke, Madliena u Paceville. Minħabba dan, il-ħtiġijiet tar-residenti tas-Swieqi ftit li xejn kinu jiġu moqdija fl-iqsar ħin possibbli, b’mod partikolari
Il-ħtieġa kompliet tikber hekk kif fl-aħħar xhur, residenti kienu spiċċaw vittma ta’ diversi atti vandali fuq il-vetturi tagħhom. Fl-aħħar jiem kien hemm diversi każi fejn tyres tal-karozzi spiċċaw imċarrtin, filwaqt li s-sena l-oħra madwar 30 karozza spiċċaw miżbugħa bi sprej iswed u bil-mirja mqaċċta.
Fl-aħħar jiem, il-pulizija żammet żewġ ġuvintur b’rabta mal-każijiet riċenti ta’ vandaliżmu, dan wara l-għajnuna tar-residenti li tellgħu fuq l-internet żewġ filmati CCTV li juru l-att vandalu.
F’wieħed mill-filmati, raġel liebes hoodie jidher miexi b’pass kajman fuq bankina qabel ma jieqaf, jinżel taparsi se jiġbor xi ħaġa mill-art u jagħti daqqiet lil tyre b’arma li taqta’. Hu jkompli miexi żewġ passi qabel jerġa’ jagħmel dan għall-tyre ieħor tal-istess vettura.

More in Kronaka