Is-Sindku tas-Siġġiewi joġġezzjona għall-MEPA

Karol Aquilina, is-sindku tas-Siġġiewi flimkien mad-Dar tal-Providenza qed jilmentaw għal razzett tat-tiġieġ minħabba l-irwejjaħ u l-intejjen
Karol Aquilina, is-sindku tas-Siġġiewi flimkien mad-Dar tal-Providenza qed jilmentaw għal razzett tat-tiġieġ minħabba l-irwejjaħ u l-intejjen

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi flimkien mad-Dar tal-Providenza u tliet għaqdiet ambjentali qed jinsistu li l-MEPA m’għandhiex tapprova l-ħruġ ta’ permess għall-bini ta’ razzett għat-trobbija tat-tiġieġ fiż-żona Tad-Dikkiena, limiti tas-Siġġiewi.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina spjega f’konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, li jekk il-proġett jitħalla jsir dan se jikkawża ammonti konsiderevoli ta’ rwejjaħ u ntejjen mill-ammont kbir ta’ tiġieġ li se jkunu qegħdin jitrabbew fir-razzett li qiegħed ikun propost.
Aquilina żied li l-bini tar-razzett u l-faċilitajiet marbuta miegħu se jħallu wkoll impatt viżwali negattiv minħabba l-bini tal-erba’ tined kbar għat-trobbija tat-tiġieġ. Qal ukoll li jekk il-proġett ikun approvat, dan se jkun ta’ riskju għall- kontaminazzjoni fl-ilma partikolarment fil-wied magħruf bħala Tal-Lewża.
Tkellem ukoll id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef li kien akkumpanjat minn tnejn mir-residenti tad-Dar tal-Providenza. Fr Micallef spjega li d-Dar tal-Providenza qiegħda tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha għall-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kontra dan il-proġett. Żied jgħid li jekk il-proġett jitħalla jsir dan jista’ jkollu effetti negattivi fuq ir-residenti u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza li hija l-aktar komunità li tgħix viċin is-sit.

 

More in Kronaka