Ellul ġie akkużat u misjub ħati li seraq aktar minn €2,329 f’affarijiet u flus, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja, li hedded biha, li kkawża ħsarat f’residenza privata u li seraq vettura.
Hu nstab ħati b’seba’ voti kontra tnejn bis-serqa u l-aggressjoni fuq il-Professur Anthony Zammit. Is-sentenza ngħatat aktar minn siegħa wara li l-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom, wara kważi seba’ sigħat ta’ deliberazzjoni.
Waqt il-ġuri, l-Professur Zammit spjega kif fil-ħin tas-serqa, hu kien ġie marbut, imsawwat u anke mhedded li jaqtgħulu swaba’ ta’ jdejh jekk ma jagħmilx kif jgħidulu.
Fis-sentenza tiegħu l-Imaħallef Quintano qal li dan huwa reat serju fejn wieħed li jkun jinsab id-dar għall-kwiet jiġi attakkat u misruq bil-mod kif seħħ il-każ fil-konfront tal-vittma. Qal li dan huwa reat serju għax seħħ fir-residenza tal-Professur Zammit stess u fis-satra tal-lejl. Huwa semma wkoll il-fatt li wara din is-serqa l-akkużat ikkommetta reat ieħor, dejjem kif turi l-kondotta tiegħu.
L-Imħallef Quitano semma wkoll il-fatt li Ellul issa rranġa ħajtu, imma fl-istess lok b’għemilu ħalla persuna, il-vittma jbati mill-konsegwenzi ta’ trawma sal-ġurnata tal-lum.
Ellul, li dejjem ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ mistenni jappella mill-verdett.
Dan kien l-aħħar ġuri li ppreseda l-Imħallef Quintano peress li x-xahar id-dieħel se jispiċċa bl-età tal-pensjoni.