Karta tal-flus ġdida tal-€10

Wara l-karta tal-ħames ewro, issa jmiss lill-karta tal-għaxar ewro biex tinbidel għal waħda aktar moderna u b’aktar miżuri ta’ sigurtà. Il-proċess għaddej ġmielu biex il-karta l-ġdida tidħol f’pajjiżna lejn l-aħħar ta’ Settembru li ġej, u dawn il-flus diġà bdew jiġu stampati.

Il-karta tal-€10 se tidħol fiċ-ċirkolazzjoni t-Tlieta 23 ta' Settembru 2014
Il-karta tal-€10 se tidħol fiċ-ċirkolazzjoni t-Tlieta 23 ta' Settembru 2014

F’dawn il-jiem, il-Bank Ċentrali Ewropew beda jqassam fuljetti ta’ informazzjoni dwar il-karta l-ġdida biex jiżgura li n-negozji jkunu preparati għal din il-bidla. Il-pubblikazzjoni tgħinhom ukoll jagħmlu użu massimu minn diversi karatteristiċi ġodda ta’ sigurtà li wieħed se jibda jsib f’din il-karta l-ġdida.
Il-fuljett beda jitqassam fil-Fillandja u l-Estonja din il-ġimgħa u mistenni jasal f’kull pajjiż taż-żona ewro sal-aħħar ta’ dan ix-xahar. Hu maħsub li dan se jasal għand tliet miljun ħanut u negozju żgħir fl-Ewropa inkluż Malta.
L-għaxar ewro l-ġdida mistennija jkollha l-kuluri jgħajtu aktar, bin-numru 10 jkun aktar evidenti. Ix-xbihat fuq il-karta mistennija jikbru, apparti karatteristiċi ta’ sigurtà bħal ologrammi u watermarks li se jsiru aktar sofistikati.
Dan l-eżerċizzju se jkun qed jimmira li jagħmila aktar diffiċli lil dawk li jistampaw il-flus foloz. Hu maħsub li matul l-2013 inġabru aktar minn 660,000 karta tal-flus foloz li kienu fiċ-ċirkolazzjoni.
Id-disinn il-ġdid jieħu inkonsiderazzjoni t-tkabbir tal-UE bl-isħubija ta’ pajjiżi fl-2004 u 2008. Għaldaqstant, fil-mappa li tidher fuq wara tal-karta issa jidhru wkoll Malta u Ċipru.
Id-disinn tal-karti se jibqa’ fuq l-istess stil ta’ dawk oriġinali, b’kull karta tirrappreżenta stil ta’ arti li tkun iddominat il-kontinent tal-Ewropa matul iż-żmien. L-istil klassiku għal €5, ir-Romanesk għal €10, u l-Gotiku fl-€20. Isegwu r-Rinaxximent (€50), il-Barokk (€100), il-ħadid u l-ħġieġ tad-19-il seklu (€200) u l-arkitettura tas-seklu għoxrin (€500).

More in Kronaka